L-GĦUL
L-GĦEWIEL huma makakki, xi kultant kattivi, u azzjonithom ħazina. Imma jekk jaħslu jieħdu grazzja miegħek jgħinuk u jaqbzu għalik. L-Għewiel iħobbu jidħlu ġo xi ħaġa, jikkapparrawha u jagħmluha tagħhom. Meta jagħmlu hekk, ma jirnexxielek taqlagħhom minn hemm ġew b'xejn. L-agħar meta jidħlu ġo xi dar. Għul li jikkapparra dar u jagħmilha tiegħu jgħidulu ĦARES. Jgħidulu hekk għax hu jqis ruħu li qed "iħares id-dar", jiġifieri jippretendi li hu l-gwardjan tagħha u jiddejjaq għall-mewt jekk tidħol toqgħod fiha int. Imma jkun hemm min li l-Ħares jaċċettah fid-dar - imbasta jagħmel biss kif jgħidlu hu. L-Għul (u allura anke l-Ħares) għandu biss erbat iswaba, mhux ħamsa. Biex teħles minnu, l-Għul trid tagħtih daqqa ta' xi ħaġa. Imma daqqa waħda trid tagħtih, għax jekk tagħtih tnejn, it-tieni daqqa tħassar lil tal-ewwel! Għalhekk meta xi ħadd jipprova jirrezistih, l-Għul jgħidlu: "Agħtini daqq'oħra jekk int raġel!"
IL-GAWGAW
Bħalma l-Għul jista' jidħol ġo xi dar u jsir Ħares, jista' wkoll jidħol ġo xi bniedem. Dan jiġri l-aktar meta l-bniedem ikun għadu tarbija. Tifel li jitwieled ezatt ma' nofillejl tal-Milied, jidħol fih il-Għul. Meta jikber u jsir raġel, f'kull nofsillejl tal-Milied joħroġ mis-sodda bla ma jkun jaf u jinbidel fi ħlejqa oħra. Jibda jtir fuq il-bjut, ikellem lill-Qamar. u jagħmel ħafna għeġubijiet. Raġel bħal dan jissejjaħ GAWGAW. Jekk tinduna li int Gawgaw, l-unika ħaġa li tista' tagħmel biex teħles hi li taqbad għarbiel tal-qamħ (minn dawk il-kbar) u toqgħod tgħodd it-toqob kollha li fih, minn nofsillejl sal-Paternoster bla ma tieqaf.
IL-MIBDULIN
Il-Gawgaw, Muna l-Għaniqa, u l-Ħajbu huma kollha MIBDULIN. Il-Mibdulin huma nies ukoll, imma mhux nies bħall-oħrajn. Jidħku inqas minn ħaddieħor; jaħsbu ħafna, isaqsu aktar; jilbsu differenti, jaħsbuha mod ieħor, ma jistgħux għall-imħuħ mudlama u magħluqa; jħobbu s-sabiħ, jobgħodu l-kruha, u jedhew bil-kelma miktuba. Jiġifieri huma nies strambi u farrada. U huma strambi u farrada għax fi twelidhom ikun daħal fihom l-Għul. Diġa nafu bil-Gawgaw li l-Għul daħal fih f'nofsillejl tal-Milied. Imma mhux il-Gawgaw biss hu mibdul. Meta mara tinqabad tqila fid-disgħa w'għoxrin lejl tal-qamar, meta jkun "qamar mitluf", jiġifieri lejl bla qamar, it-tarbija li titwieled jidħol fiha l-Għul. Meta jikbru, f'kull lejl bla qamar dawn in-nies joħorġu billejl u jagħmlu affarijiet tal-għaġeb.
MUNA L-GĦANIQA
Muna fetħet il-bieb u daħħlet lill-Gawgaw ġewwa. Daħħlitu fil-mini tal-Belt. Magħha, hemm isfel, hemm sħabha, fosthom wieħed jgħidulu l-ĦAJBU. Muna u sħabha huma kollha MIBDULIN. Muna għaddiet lill-Gawgaw mill-mini tal-Belt u wasslitu sal-Palazz ta' Bedud. Ħafet miegħu fis-swali tal-Palazz, imma spiċċat inħatfet mit-TORK tat-TARAĠ. Sa fejn hu magħruf, Muna għadha f'idejn it-Tork tat-Taraġ, li miegħu għandu lil BEDUD u lill-ORS tal-GANDLORA u, miskina, min jaf x'qed jagħmlulha.
**************************************************************
IL-ĦAJBU
Il-Ħajbu deher l-ewwel darba fil-mini tal-Belt, fejn hemm ukoll Muna l-Għaniqa u sħabha. F'dawn il-mini jiltaqgħu il-Mibdulin, u l-Ħajbu hu Mibdul ukoll. B'għaġeb kbir ta' kulħadd, il-Ħajbu feġġ ukoll f'Bufies, fejn kien qed jistenna lill-Gawgaw jasal. Il-Ħajbu laqqa' lill-Gawgaw mal-Mistoqsija - li tiġi oħt il-Għerf. Il-Gawgaw ħabb il-Mistoqsija u għalhekk imtela' bl-Għerf. Mid-dehra anke l-Ħajbu ħabb il-Mistoqsija - għax jidher li hu għaref mhux ħazin. Lill-Ħajbu ssibu ħdejn il-Gawgaw kull meta l-Gawgaw ikollu bzonn l-għajnuna.
**************************************************************
IL-ĦARES
Il-ĦARES hu GĦUL li jkun daħal ġo xi dar, jew għar, jew xi dagħbien, jew xi palazz u jikkapparrah u jagħmlu tiegħu. Kien Ħares ta' dar fil-Belt li wassal il-messaġġ lill-Gawgaw li l-Imlejka kellha bzonn l-għajnuna. Bufies hu mimli bl-Eħirsa, kollha jgħassu x'imkien. L-Eħirsa jinġiebu mal-Mibdulin, imma xorta jħobbu jinku. Trid teqfilhom għax inkella jafu jitilgħu fuq rasek u jagħmluk zibel.
***************************************************************
IT-TORK TAT-TARAĠ
It-Tork tat-Taraġ hu WAĦX li jgħix fil-Palazz ta' Bedud. Jgħidu li dari kien iħobb jinħeba fil-kantini tad-djar kbar tal-ibliet u jisraq it-tfal zgħar. Imma hu zgur li bhalissa t-Tork tat-Taraġ qiegħed fil-Palazz ta' Bedud. Miegħu hemm ukoll l-Ors tal-Gandlora u dawn it-tnejn flimkien jagħmluha ta' ċakerawts tal-Palazz. Bedud, it-Tork u l-Ors issibhom dejjem flimkien, qishom tlett isrum f'qalziet wieħed. Qalbi tingħafas meta niftakar li f'idejhom dawn għandhom lil Muna l-Għaniqa. Min jaf, miskina, x'qed jgħaddi minn għaliha.
**************************************************************
L-ORS TAL-GANDLORA
L-Ors tal-Gandlora hu Waħx ieħor, sieħeb it-Tork tat-Taraġ. It-tnejn huma ħbieb kbar ta' Bedud u t-tnejn jgħixu fil-Palazz tiegħu. L-Ors tal-Gandlora jħobb jidħol fil-ħolm tan-nies u jimlielhom rashom b'ħafna ħrejjef u ħmerijiet. Il-Gawgaw daħal inkiss inkiss fil-Palazz ta' Bedud, u xarrablu daqqtejn fuq imnieħru, imma l-Ors reġa' ġie f'tiegħu, u bid-daqqa li ta lill-Gawgaw, tefgħu minn tulu għal isfel mit-taraġ tal-Palazz. imma kull deni ħudu b'ġid għax bis-saħħa t'hekk il-Gawgaw spiċċa f'Bufies
**************************************************************
BEDUD
Bedud hu r-Rajjes tas-Sħaħar tas-Setta. Hu jsaltan fuq il-ħolm u l-fantasija tal-poplu u jzomm f'idejh l-imfietaħ tal-memorja. Għandu palazz ta' ġmiel kbir li trid seba' għajnejn biex tarah. Il-kobor tas-swali jġiblek għajnejk wara widnejk, u f'dawn is-swali dejjem għaddejin il-festi u r-riċevimenti. Jgħixu miegħu fil-palazz għandu lit-Tork tat-Taraġ u lill-Ors tal-Gandlora. It-tnejn huma ta' min jibza' minnhom. Kien minħabba li waqa' t-taraġ ta' Bedud li l-Gawgaw sab ruħu f'Bufies. Bedud joqgħod b'seba' għajnejn li ma jaqax it-taraġ hu ukoll.
IL-WAĦX
L-UĦUX huma l-erwieħ ta' nies li mietu b'xi lanzita fl-istonku tagħhom u baqgħu, anke wara li mietu, vendikattivi, jobgħodu d-dinja u jħobbu jagħtu fastidju lin-nies. It-Tork tat-Taraġ hu Waħx. U anke l-Ors tal-Gandlora. Uħux oħra li nismagħhom isemmu huma Waħx il-Baqar, il-Belliegħa, u Nar il-Bluh.
IS-SAĦĦAR FALZUN
Is-Saħħar Falzun hu s-Sultan, il-Ħakem, u l-Mula ta' Bufies - l-art f'tarf id-dinja, kollha ħdura, għoljiet, widien, u ġmiel tal-ġenn. Il-Mibdulin kollha li, għal xi raġuni jew oħra, jsibu ruħhom f'Bufies, imorru jzurah fil-Palazz tiegħu. Iqisuh li hu r-Rajjes tagħhom. Falzun isikket ir-ragħad u jraqqad l-irjieħ, u jifhem il-qamar u l-kwiekeb fis-smewwiet. Bħala Sultan u Ħakem ta' Bufies, Falzun iħaqqaqha ma' l-Għewiel li jħufu u jiġru ma' kullimkien, u ma jħallihomx jisfrattaw u jagħmlu l-ħsara. Fil-Palazz ta' Falzun hemm il-Ġbnien tal-Qasab l-Aħdar - li jikber u jiċkien - int mingħalik li qed timxi lejn il-ħajt ta' wara, imma dan dejjem jersaq u jersaq lura u ma tasal ħdejh qatt. Mis-siġar ta' dal-ġnien, is-Saħħar Falzun jaqta' t-Tronġiet Mewwija. Meta jkollu aptit, Falzun jaqsam waħda minnhom u minn ġo fiha toħroġ Tfajla tal-Ġmiel, għarwiena ħuta. Falzun jieħu ħafna paċenzja b'dawn it-tfajliet, imma mhux magħruf sewwa sew x'joqgħod jagħmel magħhom fil-Palazz.
IL-QADI
Il-Qadi hu l-id ix-xellugija tas-Saħħar Falzun. Kull filgħodu jkun fid-dwejra tal-Palazz tiegħu, imdawwar mill-Eħirsa tal-Palazz li jagħtuh il-pariri fuq x'ikun qed jiġri u x'għandu jagħmel. Għand il-Qadi jmur kull min għandu xi ħaġa moħġaġa, u minn dak li jisma', il-Qadi jaqda (jiddeċiedi) jekk il-ħaġa moħġaġa nqatgħetx sewwa jew le. Għandu kelb kbir quddiem il-bieb tad-dwejra. Meta jkun b'għajnejh miftuħa jkun rieqed, u meta jkun b'għajnejh magħluqa jkun imqajjem.
IL-QAJD (IL-FIERES)
Jekk il-Qadi hu l-id ix-xellugija, il-Qajd hu l-id il-leminija tas-Saħħar Falzun. It-tmexxija ta' Bufies hi f'idejhom it-tlieta. Il-qajd ikun dejjem riekeb iz-ziemel - għalhekk jgħidulu "IL-FIERES". Iz-ziemel tiegħu jiġri daqs ir-riħ, u hawn min jgħid li jaf jitkellem ukoll. Il-Qajd idur max-xatt kollu ta' Bufies, jaqsam il-widien, jitla' l-għoljiet, jixref mill-irdumijiet, jiftaqad, iħuf, u dejjem jgħasses għal li jista' jinqala'. Hu bniedem stonkuz u ma jibza' minn xejn.
IL-MIFHUMA
Il-Mifhuma huma l-Mistoqsija, l-Għerf, l-Imħabba, l-Ġenn, l-Għawġ, il-Ġmiel, ir-Regħba, u affarijiet oħra bħal dawn. Jgħidulhom il-Mifhuma għax, għalkemm diffiċli biex tfiehem x'inhuma, kulħadd jifhem x'inhuma xorta.
|