Kranium


IL-KOMIKS TAS-SIKKINA
 NIDEW SENSIELA ĠDIDA BL-ISEM TA' 
L-GĦID TAL-ERWIEĦ  F'MEJJU 2009

STRIXXIKLI KRANIUM :
1. ARA ĠEJJA L-MEWT GĦALIK
2. BLA RQAD SA TLUGĦ IX-XEMX
3. IL-QAMAR FIL-BIR



Kranium, huwa grupp rock  li jdoqq mużika ta' barra minn hawn. Huma jsejħu l-mużika tagħhom bħala Demetal. Il-grupp kien iffurmat mill-Ħanż wara li telaq minn grupp ieħor. Il-
Ħanż hu ġuvni ta’ madwar tletin sena. Għandu ħarsa ta’ xitan u moħħu jwassal mhux ħażin. Hu l-kantant u l-bassist tal-grupp. Il-kordi li jdoqq bihom magħmulin mill-imsaren tal-qtates imrobbijin apposta mid-Draga tal-Braqxija.

 

Sħabu, l-Ħassu u Kraws huma ta’ mparu u kienu ltaqgħu għand Lippu tal-inbid fit-Triq tad-Deheb, il-Belt. Hemmhekk kienu daqqew għall-ewwel darba akkustikament u n-nies tal-inħawi jgħidu li minn dakinhar bdiet tidher ras maqtugħa titgerbeb it-turġien tat-triq. Dawn ħwejjeġ tat-tkexkix!! Għalkemm hemm min jgħid li din ma kinitx għajr ċajta goffa taż-żgħażagħ imħarbtin li jintefgħu fil-ħanut ta’ Lippu.

 

Il-Ħassu jdoqq “it-tnabar” kif jgħidilhom hu, għax bihom jgħid li jsejjaħ l-erwieħ u jikkomunika magħhom. Għax hu fatt magħruf li l-Ħassu kien imrobbi minn xi saħħar u dan għallmu l-prattika tal-okkult. Sa minn età żgħira kien jaf jaqra x-xorti u jagħmel xi magħmul fuq dawk li kienu jridulu l-ħsara. Il-laqam “Ħassu” jgħidu li mhux ġej mill-ħaxixa li nieklu imma għax kien iħoss l-ispirti jduru miegħu u jkellmuh. Avolja hemm min jgħid ukoll li jgħidulu hekk għax iħobb itaqtaq ħafna u spiss kien isib min jibagħtu jieħu ħassa.

 

Min-naħa l-oħra, Kraws fommu dejjem mitbuq u trid tħallsu biex ikellmek. Wiċċu ħelu ta’ artist tal-films u t-tfajliet kollha jixxarrbu kif jarawh. Idoqq kitarra speċjali li ħadd ma jaf mnejn ġabha. Hemm għajdut li kienet ta’ Tony Iommi ta’ meta ġew is-Sabbath Malta.   

 

Il-Vann tal-Kranium huwa misteru wkoll. Ibda biex, mhux kull grupp rock ikollu l-vann u l-apparat tiegħu. Imma dan il-vann jirrankonta stejjer strambi ta’ inċidenti gravi, nirien u lqit ta’ sajjetti, u qatt ma ġralu xejn għajr li kultant joqtorlu iż-żejt, idum biex jistartja u jdaħħan daqs ċumnija ta’ vapur. Il-biċċa hi li l-Ħanż (għax il-vann tiegħu) qatt ma għamillu servis u mhux darba u tnejn jinsa jitfagħlu l-petrol u jibqa’ għaddej bih għal xahrejn sħaħ. Donnu jaħdem bl-arja. U oħra...(bejnietna din)...jiġri bih fit-triq qisu kullimkien tiegħu u lanqas biss iħallaslu l-liċenzja. 


UĦUX, GDIEWED, MNIEGĦEL....

Fl-istrixxikli tal-Kranium se tiltaqgħu ma xi karattri li huma parti ntegrali mill-ambjent tal-Kranium. Jekk taħsbu li dawn il-karattri ivvintajnihom aħna, sejrin żmerċ. Dawn huma essri li jissejjħu kwien is-seħer. Mindu bdew ġejjin it-turisti u mindu kullimkien imtela’ bil-bini u l-karozzi u dwal tal-lukandi u storbju ieħor... is-seħer tal-gżejjer Maltin beda jgħib u dawn il-kwien tas-seħer bħal tgerrxu mill-bliet u l-irħula fejn kienu jgħammru u rtiraw lejn imkejjen iktar mistura, taħt l-art jew f’xi post imwarrab. Imma hemm għadhom u kultant joħorġu jħufu għax-xenqiet tagħhom. Iva, jeżistu tassew u ilhom jgħixu magħna sa minn żmien żemżem.

 

 

Il-Mniegħel

Mingħul għandu fih seba’ xjaten. Mingħul għandu setgħat qawwija u ħila barranija biex jagħmel dak li suppost jagħmel, jiġifieri jfixkel, iqarraq, iħarbat u kull għawl ieħor immaġinabbli biex iżid it-taħwid fid-dinja. Minħabba x-xjaten ta’ ġo fih, il-mingħul jikrieh bil-bosta. Ħafna drabi jieħu xbiha ta’ bhima selvaġġa, wiċċ ta’ kelb jew wiċċ ta’ xadin. Mingħul kapaċi jitla' ma’ kampnar f’kemm trodd salib u jaqbeż għal isfel mingħajr ma jiġrilu xejn. Kapaċi jaqbeż il-ħitan għoljin u jlebbet iktar minn żiemel tat-trott. Għandu saħħa biex jgħawweġ il-ħadid u jerfa’ toqol kbir.
 

Id-Dragiet

 

Id-dragiet huma wħux nisa li jkollhom setgħat qawwija tas-seħer. Id-draga għandha xogħol partikulari u dan hu li tidħol f’post, tikkapparrah u tilagħnu, jiġifieri ġġib is-saħta fuqu permezz tas-seħer faħxi tagħha. Għalhekk, post hekk, okkupat minn xi draga ngħidulu post “milgħun”. Post milgħun ikun fl-imwarrab, diżabitat u miskerrah, ngħidulu wkoll "fejn ħalla l-karkura x-xitan". Post milgħun ikun maħruq jew niexef qoxqox u bla ħajja, nkella bil-kontra, mistagħdar bl-ilma qiegħed, jinten u invażat bl-insetti u ħlejjaq jigdmu u joqorsu. Post milgħun ikun ukoll xi midfen abbandunat. Hemmhekk tgħix id-draga u magħha jkollha xi wħux jaqduha, xi mniegħel u anki xjaten u għefieret. Id-draga tkun ukoll f’kuntatt mal-bnedmin bħala saħħara u tinnegozja magħhom skont l-interessi ta’ min bagħatha hemmhekk. Normalment id-draga tkun mibgħuta minn xi ħadd setgħani iktar minnha u għalhekk din ikollha tobdi l-ordnijiet tiegħu.

 

Id-dragiet jistgħu jtiru u kapaċi jagħmlu bosta għemejjel li jġibulek għajnejk wara widnejk. Id-dragiet għalkemm fil-biċċa l-kbira minnhom iħobbu jagħmlu l-ħażen, issib xi wħud li jfejqu n-nies jew li jaqbżu għal xi ħadd biex isalvawlu ġildu. Xi dragiet għandhom il-ġwienaħ, oħrajn m’għandhomx imma xorta jtiru u jagħmlu dan mhux b’xi xkupa kif jaħsbu xi wħud imma billi jirkbu fuq il-mniefaħ li huma rjieħ is-seħer. Id-dehra tad-dragiet ġeneralment tkun waħda mqadda, mkemmxa u kerha għall-aħħar, imma issib minnhom li biex iqarrqu b’dak li jkun, jinbidlu f’xi mara sabiħa u jġibuh fejn iridu. Oħrajn jinbidlu f’xi bhima, bħal serp, kokka jew qattusa, skont il-ħtieġa. Id-dragiet diffiċli biex imutu u l-uniku mod biex toqtolhom huwa li taħraqhom ħajjin. Għalkemm koroh daqs id-dlam, id-dragiet, ta’ nisa li huma, jħobbu jiżżejnu bid-deheb u l-fided, ċrieket, ġiżirajjen u amuleti li bosta drabi iservuhom ukoll biex iwettqu s-sħarijiet tagħhom.

Fl-istejjer tagħna tal-Kranium, id-draga jgħidulha id-Draga tal-Braqxija. Hija qaddejja tas-Serp ta’ Seba’ Rjus u tgħix f’midfen milgħun f’tarf ir-raħal. Hija taf lil Kranium sewwa u rranġatilhom mas-Serp biex jagħtihom is-suċċess li jridu basta jgħinuh biex jaqbad lill-ħanżira tal-erwieħ.

 

 

Iż-żagħkiet għuliet

 

Kif iġib isimha, iż-żagħka għula hija għula li tħajjar lill-irġiel biex jimteddu magħha. Dak ir-raġel li jaqa' għaliha, ikun sar ilsir taż-żagħka għula. Raġel li jiġrilu hekk ngħidu li jkun inħotof. F’kull belt u raħal x’aktarx li hemm iż-żagħka għula, inkella tnejn. Hija tgħix f’dar li tkun abbandunata u mitluqa imma f’għajnejn il-vittmi tagħha din tinbidel f’dar jew villa lussuża. Għalkemm xogħolha jixbah lil dak ta’ qaħba, hija ma tilbisx imqaċċat u skullata żżejjed imma għandha stil ta’ klassi u fl-istess ħin senswali f’ilbiesha.  Hija jirnexxielha tiġbed l-irġiel lejha għax għandha poter speċjali, dak li ġġiegħel l-irġiel joħolmu anki meta jkunu mqajmin.  Iż-żagħka għula għandha l-ħila tilgħab bil-fantasija u tgħawweġ ir-realtà biex twassal raġel fejn tridu hi.  Ġaladarba dan jinħotof minnha, imbagħad irid jew ma jridx isib ruħu serv fidil tagħha, jagħmel dak kollu li tamarlu hi u għal dak li tkun trid hi jkollu tabilfors jaqdiha mill-koxxa.

Iż-żagħka għula hija wkoll aġenta ta’ xi ħadd setgħani mid-dinja ta’ taħt l-art imma hi għandha spirtu ħieles u sikwit tagħmel ta’ rasha. Kull żagħka għula għandha isem.

 

Fl-istejjer tagħna tal-Kranium, iż-żagħka għula jisimgħa Guzzetta. Hija tgħix f’gabbana qadima tad-dgħajjes. Għandha karozzin bil-kuċċier biex iwassalha fejn għandha bżonn. Taħdem għas-Sofor ta’ Ċensa l-mewt u anki tagħmel xogħol barrani ma’ Fra Leone l-Kavallieri li hu miktub max-xitan.

 

L-uħux

 

Il-Waħx huwa kewn stramb ħafna. Ikrah u sfigurat u dejjem issibu maqtugħ għalih waħdu fejn m’hemmx nies. Xi wħud minnhom taħsibhom bnedmin imma oħrajn qishom bhejjem mostrużi. Ikollhom temperament selvaġġ u aħrax. Moħħhom ma jtihomx wisq u għalhekk ħafna drabi biex ikampaw, jaqgħu biex jaqdu lil xi draga jew xi xitan. Il-waħx issibu fejn hemm it-taħsir, il-kruha u l-beżgħat tan-natura fuq l-art, ħdejn il-baħar kif ukoll fi truf l-irħula u l-bliet. Huma jgħixu moħbijin fis-satra tal-lejl fejn in-nies tad-dinja ma tarahomx, u joħorġu meta jiftillhom biex iġerrxu lil xi ħadd milli jersaq lejhom jew inkella għax ikunu xammew xi mejjet u jmorru biex jikluh. Għalhekk “fejn wieħed jista’ joqtol u jidfen” għandek mnejn issib il-waħx.

 

 

 

Il-kitbiebes

Il-kitbiebes ikun bħal ġebla minquxa jew statwa li tkun inħadmet biex tipproteġi xi post partikulari. Din l-istatwa jew xbiha minquxa normalment tkun twaħħlet fuq xi bieb biex isservi għal dan ix-xogħol ta’ ħarsien. L-għewiel li s-soltu jidħlu għal dan ix-xogħol, sikwit jinġissmu f’xi statwa u jagħtuha l-ħajja biex taqdi l-funzjoni li jkollhom f’rashom. Iżda ġieli kien xitan li ħeja l-istatwa minflok għul. Għalhekk jekk ix-xbiha tal-ġebel tkun ras biss, narawha tħarrek għajnejha jew titkellem. Jekk tkun statwa ta’ tajra bil-ġwienaħ, din tista’ ukoll ittir avolja tal-ġebel. Jekk tkun statwa bir-riġlejn allura narawha timxi, tiġri u anki taqbeż. Għalhekk statwa tiċċaqlaq b'dan il-mod ngħidulha l-kitbiebes.

 

Fl-istorja ta’ Kranium insibu l-kavallier Leone li kien miet mijiet ta’ snin ilu u peress li kellu statwa ta’ ljun fil-palazz tiegħu, għamel patt max-xitan biex seta’ jerġa jiġi fid-dinja billi jsir kitbiebes.

 

 

 

L-għammada


L-għammada
 huma bħal sħaħar ta' taħt l-art. Bis-seħer tagħhom huma jżommu bħal kefen iswed kbir fuq l-erwieħ tal-mejtin biex la jaraw u lanqas jisimgħu x’inhu jiġri fid-dinja ta’ fuq. U min-naħa l-oħra lanqas il-ħajjin ta' fuq ma jkunu jafu x'inhu jiġri hemm taħt. L-għammada huma l-ministri ta' Ċensa l-Mewt li jieħdu ħsieb it-tmexxija tas-saltna tagħha. Xi wħud minnhom jitilgħu fid-dinja fil-lejl tal-Għid tal-Erwieħ (2 ta' Novembru) biex jaraw li kollox miexi sew, għax għal lejl wieħed biss darba kull sena, il-bwieb tad-Dar ta' Dejjem (id-dwiemes ta' Ċensa l-Mewt) jinfetħu u l-erwieħ jitilgħu minn taħt l-art għad-dinja ta' fuq. Il-mexxej tal-għammada jgħidulu l-Għammad il-Kbir.

 


Il-Ħanżira tal-Erwieħ


Il-Ħanżira tal-Erwieħ kienet tradizzjoni f’xi rħula Maltin li jitilqu ħanżira tiġġerra fit-toroq sabiex tintema’ min-nies sa ma tismen imbagħad lejliet l-Għid tal-Erwieħ kienet tinbiegħ lil xi sinjur biex jagħmel minnha xi pranzu. Dan kollu b’suffraġju għall-erwieħ.

Fl-istorja ta’ Kranium is-Sultana l-Ħamra tidħol fil-Ħanżira tal-Erwieħ f'kull sena sabiex bil-qatla tal-ħanżira u t-tekil ta’ laħamha jkun komplut iċ-ċiklu naturali li jgħaqqad il-mewt mal-ħajja u l-ħajja mal-mewt.



 

Ċensa l-Mewt 

Ċensa l-Mewt hija s-sultana tad-dwiemes, sidt id-Dar ta’ Dejjem, il-post taħt l-art fejn imorru l-mejtin. Iżda hija ma toqgħodx hemm biss imma tiġri minn naħa għal oħra tad-dinja tiġbor l-erwieħ, titfi x-xemgħa ta’ dak u tal-ieħor. Xi minn daqqiet tkun waħidha, drabi oħra jkollha xi waħx magħha bħala qaddej. Ġeneralment tkun liebsa libsa sewda eleganti u velu iswed jgħattilha rasha u wiċċha. F’idejha żżomm il-musbieħ imkebbes ta’ dak li tkun marret għalih inkella jista’ ikollha f’idha l-barabba bix-xemgħat jixgħelu. Mhux darba u tnejn indehset f’folla nies u ħadd ma ttenda biha. Jew inkella xi proxxmu li kien qed issuq il-karozza b’veloċità qawwija u hi kienet riekba fuq is-sedan ta’ wara bla ma ntebah b’xejn. Jew ħaddieħor li qasam it-triq mgħaġġel u ħakkek magħha u anqas biss nduna. Hi taf turi xbiha ta’ mara sabiħa li tiġbdek u tħajrek tkellimha imma ħesrem tista’ tinbidel fi skeletru. Jekk xi darba tiġi wiċċ'imb wiċċ ma’ Ċensa l-Mewt, aħrabha. Ftakar, min ma jkellmekx, tkellmux.

 

 

Il-gdiewed 

Il-gadawd huwa bniedem li ftit wara li jmut, għal xi raġuni, jerġa’ jqum biex jeħbirlek xi ferħa jew xi għawġ. Bniedem li jkun miet u niesu jkunu żebilħu dak li l-mejjet kien jgħożż f’ħajtu, għandu mnejn li mhux biss jitqalleb f’qabru imma jqum għalihom biex jisħethom u jirralhom id-deni. Il-gadawd huwa bniedem li miet u  ruħu ħarġet imma għal xi raġuni reġgħet daħlet fil-ġisem mejjet tiegħu u bħala katavru  jqum mill-qabar u joqgħod ixul ‘l hemm u ‘l hawn fiċ-ċimiterju jew f’inħawi oħra biex jagħmel dak li ġie biex jagħmel. Ġeneralment gadawd ma jitkellimx, jibqa’ sieket daqs qabar imma bil-preżenza tiegħu jeħbirlek li se jiġri xi ħaġa. Imma issib oħrajn li jitkellmu wkoll. Kultant issib xi gadawd li jkollu xi xogħol partikulari x’jagħmel u jibqa’ jagħmlu mingħajr ma ruħu tmur tistrieħ fid-Dar ta' Dejjem.

 

Fra Krispin 

Fra Krispin huwa gadawd ta’ wieħed xwejjaħ kapuċċin. Il-qabar tiegħu huwa niċċa taħt l-art u l-katavru tiegħu huwa mmumifikat. Huwa jqum minn qabru biex jieħu ħsieb il-kappella tal-għadam li l-ħitan tagħha huma miksijin u mżejnin bil-għadam tal-mejtin. Din il-kappella kienet inqerdet fil-ġwerra l-kbira imma ħaġa tal-għaġeb, hemm nies li jgħidu li, għaddew minn hemm f’nofs ta’ lejl u raw il-kappella wieqfa ġebla fuq ġebla u semgħu it-talb fiha u daħlu ġewwa u raw id-dawl tax-xemgħa jnemnem u jilgħab bil-dellijiet tal-għadam imwaħħal mal-ħitan. Fl-Għid tal-Erwieħ u fil-ħin tal-imwiet (jiġfieri wara li jkun dalam sewwa u kulħadd ikun miġbur f’daru) Fra Krispin idoqq il-qanpiena tal-kappella tal-għadam biex isejjaħ l-erwieħ kollha biex jitilgħu fid-dinja u jieklu mill-kaldarun tal-erwieħ

 

Il-mara l-bajda 

Il-Mara l-bajda hija ruħ sabiħa u twajba. Xagħra twil iswed u b’kuruna tal-ward f’rasha. Liebsa lbies senswali tal-ħarir abjad, iperper ma’ kull żiffa u jarmi d-dawl bajdan f’qamar kwinta. Il-mara l-bajda tħobb tippassiġġa fuq xfar is-swar, fil-ġonna tal-foss jew fil-kurituri mudlama tal-forti. Hija r-raħħaba tal-forti, jiġifieri tilqa’ lil dawk li jżuruh u tiggwidahom f’dak li jeħtieġu. Hija tgħin ukoll lill-Ħares tal-Wardija biex il-forti ma jkunx maħbut minn xi forza ta’ taħt l-art. Bħall-mara l-bajda, wieħed jisma’ wkoll bil-mara l-kaħla. Mara bajda jew kaħla mhux waħda insibu imma diversi oħrajn imxerrdin ma’ Malta. Dawn kollha erwieħ nisa li sfaw vittmi ta’ xi imħabba qarrieqa jew xi ġrajja traġika. Il-leġġenda tgħid li l-mara l-bajda kienet tfajla li sfat vittma tal-imħabba qarrieqa ta’ wieħed kavallieri. L-istorja tgħid li darba dan il-kiefer daħħalha f’kamra sigrieta fil-forti fejn kellu l-ħsieb li jagħmel magħha iżda kien se jinqabad fil-fatt mill-prijur tal-ordni u biex jgħatti xturu, waddab lit-tfajla mit-tieqa għal isfel fejn mietet taħt is-sies.  Il-mara l-bajda għadha tidher sa llum timxi fuq is-swar b’ilbiesha jtir fir-riħ u jixgħel il-bjuda fid-dawl ta’ qamar. Donnha ruħ mitlufa.... tistenna.... tistenna.

 


Ninu Xkora
 

Ninu Xkora huwa l-Bewwieb tal-midfen, dak li jiftaħ u jsakkar il-kanċell taċ-ċimiterju u jieħu ħsieb li ħadd ma jidħol jipprofana l-oqbra. Huwa l-għassies tal-midfen u tal-mejtin u jgħasses kontra l-uħux u x-xjaten li jiġu biex jaħtfu l-katavri. Hemm min jgħid li Ninu Xkora huwa ruħ twajba u hemm min jgħid li hu gadawd. Hu x’inhu, Ninu Xkora mhux xi wieħed ikraħ anzi raġel sabiħ, b’għajnejn niffieda u b’par mustaċċi folti u mibrumin. Raġel matur u ppreservat,  mibni b’saffejn u fih mogħla hawn. Liebes pulit biż-żarbun, qmis, terħa u sidrija u f’idu dejjem iżomm fanal mixgħul. Ħadd qatt ma semgħu jgħid kelma. Jiftaħlek il-kanċell u jagħmillek sinjal bil-fanal mnejn għandek tgħaddi.

 



Il-Faraboj
 


Il-Faraboj
huwa waħx ikraħ u kbir b’daqna folta u fartas għal kollox. Żaqqu barra u kważi għarwien imma fl-istess ħin imlibbes it-tpenġija ta’ simboli tas-seħer, miksi tatù kullimkien, fuq rasu u fuq wiċċu ukoll maħżużin xi simboli tal-biża’ u ta’ misteru. Il-faraboj huwa l-qaddej fidil ta’ Ċensa l-Mewt u jimxi skont l-amar tagħha. Raġel qisu kolonna, mqit b’għajnejn ħorox, u la juri biża’ u anqas ħniena. Wiċċu iebes daqs il-ġebel. F’idu jżomm kanċ kbir li bih idendel in-nies biex jittorturhom. Joqtol nies bir-radam, jgħallaqhom, jaħsdilhom rashom, iħanxarhom jew jifgahom b’idejh stess. Għandu par idejn morsa u jekk jaħfnek bihom, żgur li ma taħrabx.

 

Nar il-Bluh 

Nar il-Bluh huwa waħx li ssibu biss fejn hemm xi midfen jew katakombi. Huwa magħmul min-nar kaħlani li dejjem jaqbad. Kapaċi jidher fi kwalunkwe forma li jrid. Fl-istorja tal-Kranium narawh fil-forma ta’ fakir li jiekol in-nar. Fil-fatt Nar il-Bluh mhux biss jiekol in-nar talli kapaċi jobżqu minn ħalqu bħal dragun, jisplodih f’vampa kbira jew jarmi ilsna tan-nar minn ġismu kollu. Jgħidulu Nar il-Bluh għax iħobb jitbellah xi naqra għax bħan-nar, m’għandux kwiet f’ġismu u l-ħin kollu jħebħeb il-fjammi jew ifernaq il-ħġejjeġ.

 

Is-Serp tas-Seba’ Rjus 

Is-Serp tas-Seba' Rjus huwa wieħed mis-slaten il-kbar tal-baħar u ta’ taħt l-art. Huwa jissejjaħ ukoll l-Għaġeb tal-ilma, s-Serpentin, id-Dragun Draganti jew sempliċiment is-Serp. Ħsiebu dejjem kif se jkabbar is-saltna u jsaħħaħ il-qawwiet tiegħu.

Fl-istorja ta’ Kranium huwa jaħdem vann speċjali fil-foroġ tiegħu taħt l-art sabiex bih ikun jista’ jifqa’ bieb id-Dwiemes, (id-dar ta’ dejjem) u b’hekk ikollu f’idejh l-erwieħ kollha tad-dinja. Bl-erwieħ f’idejh, is-Serp għandu mnejn jikkontrolla iktar dak li jsir fid-dinja. Il-vann jagħtih lil Kranium bil-patt u l-kundizzjoni li jaħtfu l-ħanżira tal-erwieħ (allura lis-sultana l-ħamra) u biha fil-vann jibqgħu niżlin Kevet fejn is-sultana ssir priġuniera tiegħu. Bin-nuqqas tas-sultana l-ħamra, fid-dinja jikber l-għaks u l-ġuħ. Dawn it-tnejn huma ħbieb kbar tas-Serp u jgħinuh qatigħ biex jakkwista iktar territorju għas-saltna tiegħu.

 

Is-Sultana l-Ħamra hija sultana tas-seħer li fl-istorja tal-Kranium, tidħol fil-ħanżira tal-erwieħ darba kull sena sabiex tgħaqqad iċ-ċiklu tal-ħajja u l-mewt, bejn il-ħajjin u l-mejtin permezz ta' ikla ċerimonjali fil-Għid tal-Erwieħ. 

 

Il-Ħares tal-Wardija 

Il-Ħares tal-Wardija huwa għul li ħa f’idejh il-forti Sant Iermu biex iħarsu mill-kwien tas-seħer tal-qatgħa tas-Serp. Miegħu fil-forti hemm ukoll il-Mara l-Bajda. Taħt l-art hemm qabar li jinfed għad-dinja ta’ taħt. Il-Ħares tal-wardija għandu kelb biex jgħinu jżomm l-għassa fuq l-art u għandu wkoll seqer biex jgħassislu mill-ajru. Il-ħares tal-wardija għandu dehra ħarxa u żorra. Triq toqgħod attent kif tkellmu għax jaħtfek. Huwa jilbes armatura ta’ ġeneral Tork. Għandu daqna twila. Il-pali ta’ jdejh huma bħal ta’ tigra bil-granfi twal twal li jaqtgħu daqs l-aqwa xabla.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Advertisement
 
 
Today, there have been 1 visitors (3 hits) on this page!
=> Do you also want a homepage for free? Then click here! <=