Il-Gawgaw u l-Imlejka

L-ISTORJA S'ISSA:

Danny Xerri , tifel kwiet u tal-affari tiegħu, twieled ezatt mat-tokki ta' nofsillejl tal-Milied fil-klinika privata ta' San Blas.  Iċ-ċertifikat tat-Twelid tiegħu juri d-data tal-25 ta' Diċembru.  Billi twieled fil-lejl tal-Milied, Danny Xerri, kull sena, preċiz mat-tokki ta' nofsillejl tal-Milied, joħroġ mis-sodda, jilbes ħwejgu, u jsir GAWGAW.  





Hu ma jkun jaf xejn b'dan, u li kellek tgħidlu, x'aktarx li jmerik, u forsi jlumek ukoll.  Imma fil-fatt, meta jsir Gawgaw, jaqbez mit-tieqa, jiġri fit-toroq, u jtir fuq il-bjut tad-djar.  F'dar minnhom sab lill-Ħares, u dan qallu li l-Imlejka, li hi s-Sultana tax-xhur kollha tas-sena, kienet ġiet fl-Inkwiet u kienet qed tibgħat il-messaġġi għall-ajjut.  Riedet lill-Gawgaw imur ifittixha.




Biex ma ntawwalhiex, il-Gawgaw spiċċa fil-Palazz ta' Bedud, ir-Rajjes tas-Sħaħar tas-Setta.  Ma' Bedud hemm ukoll it-Tork tat-Taraġ u l-Ors tal-Gandlora.  It-Tork tat-Taraġ spiċċa qala' daqqtejn sewwa, imma l-Ors tal-Gandlora qabez fuq il-Gawgaw u bid-daqqa ta' ponn li tah tefgħu minn tulu għal isfel mit-taraġ tal-Palazz ta' Bedud.







Il-Gawgaw baqa' niezel u niezel sakemm sab ruħu f'Bufies.  F'Bufies m'hemmx nies, għax ix-Xjaten u l-Għefieret ġarrew lil kulħadd magħhom f'Buġibda - u minn hemm ma jiġu mibda.  



F'Bufies hemm biss il-qamar sieket u x-xemx tiddi binhar; hemm is-sħab jinbex is-sema u r-riħ li jqum u jdur.  Imm'hemm ukoll l-Eħirsa fid-djar u hemm xi nies li huma Mibdulin, li Alla biss jaf kif spiċċaw hemm. Fil-fatt il-Gawgaw iltaqa' mal-Ħajbu, li hu Mibdul ukoll.



Il-Ħajbu laqqa' lill-Gawgaw mal-Mistoqsija, li tiġi oħt il-Għerf, u li hi tifla fiha ġisem li ġiet mill-kwiekeb.  Il-Gawgaw innamra mal-Mistoqsija u ħabbha.  U billi ħabb il-Mistoqsija issa l-Gawgaw jagħraf x'sar fl-imgħoddi, jdonn kull ħsieb għaddej, jobsor dak li qed jiġri, u jbassar x'inhu ġej.  Ma nafx sewwa sew x'jiġifieri, imma hekk jgħidu.



Issa l-Gawgaw irid ilaqqa' lill-Imlejka mal-Ġamra Tixgħel, imm'għandu x-Xjaten u l-Għefieret kontra tiegħu (għalkemm jgħidu li meta jkun f'Bufies, il-Gawgaw ma jibza' minn ħadd).



Ix-Xjaten u l-Għefieret ġew biex jagħmlu għall-Gawgaw, imma spiċċaw dabbru daqqtejn sewwa.



Għax mhux biss is-Sema, r-Ragħad, il-Beraq, l-Irjieħ, il-Qamar, ix-Xemx, ix-Xita, l-Għewiel, u l-Eħirsa ħarġu jaqbzu għall-Gawgaw; imma anke l-Ġganti ġew jagħtu daqqa t'id.  U l-Ġganti għadu ħadd ma jaf sewwa sew x'qed jagħmlu f'Bufies.  Issa l-Gawgaw irid jiltaqa' mas-SAĦĦAR FALZUN.



Imma zomm!  Dan mhux is-Saħħar Falzun li taf int.  Le. Dan ieħor.  Int għadek ma tafux lil dan.  Dan hu l-Ħakem ta' Bufies.  U mid-dehra, biex tasal għandu, hemm ġibda mhux ħazin.




Biex wasal fejn ried jasal il-Gawgaw mexa fuq li mexa.  Biex sab dak li ried isib kellu bzonn iz-Zmien. 




Ħolom ħafna.  U ntefa' fit-tfittxija b'ruħu u ġismu.




Ħabbat wiċċu mal-Għawġ, imma ma bezgħax minnu.




Kellu joħodha mal-Qbejjel - ħlejjaq li mhux kulħadd jaf x'inhuma.




Imma fl-aħħar mill-aħħar kienet l-Imħabba li wasslitu fejn ried jasal.




Il-Gawgaw sab ruħu jħabbat il-bieb tas-Saħħar Falzun.  Issa nittamaw li Falzun ikollu pjeċir bih.



Advertisement
 
 
Today, there have been 1 visitors (8 hits) on this page!
=> Do you also want a homepage for free? Then click here! <=