Daħla

PIJU S-SURĠENT

U L-KAXXA TAS-SIGARETTI

IT-TIELET PIJU

Dan hu t-tielet strixxiklu ta’ Piju s-Surġent li qed joħroġ fis-sensiela Komiks tas-Sikkina.  Il-karattru hu kollu maħluq minn Bin Għisa, u deher l-ewwel darba nhar is-Sibt, 16 t’Ottubru, fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Belt, waqt il-Comic-con tal-2010.

F’dan it-tielet strixxiklu ta’ Piju s-Surġent jidher li Piju ddaħħal fl-istorja tal-kaxxa tas-sigaretti li hi magħrufa ħafna fost dawk li jħobbu l-istejjer tal-waħx.  Piju dejjem jispiċċa f’xi gażiba li jkun daħħlu fiha ħaddieħor. Imma Piju, miskin, ma jgħidx le.  Fejn jista’ jgħin, jgħin.  Il-problema hi li lil Piju malajr taqbiżlu ċ-ċinga.  Il-kuntrarju ma jistax għalih.  Allura ħafna nies iqisuh li hu xi ftit nervuż.  Imma Piju raġel sewwa miskin.  Kellu bżonn kien hawn aktar nies bħalu.

Ikollkom xi mistoqsija, ibgħatu email hawn: ggatt77@hotmail.com






Il-Gawgaw u l-Imlejka

ir-raba' strixxiklu

Sa fl-aħħar wasal! Ir-raba' strixxiklu mis-sensiela ta' Il-Gawgaw u l-Imlejka fejn inkomplu nsegwu l-vjaġġ imwiegħer tal-Gawgaw li qed ifittex lill-Imlejka. F'din il-ħarġa jiltaqa' mas-Saħħar Falzun u l-Qajd - l-għassies ta' Bufies u ż-żiemel tiegħu li jiġri daqs ir-riħ. Il-Gawgaw jeħtieġlu jgħaddi għan-naħa l-oħra tal-ġnien 'li jikber u jiċkien' biex jasal fejn għandu jasal u għalhekk jissellef iż-żiemel tal-Qajd. Meta jgħaddi għan-naħa l-oħra jħabbat wiċċu mal-iljun ta' Bufies li jkun irid jitfgħu 'l barra imma ma jdumx ma jqiegħdu f'postu. Bħas-soltu minn imkien jitfaċċa l-Ħajbu biex jagħti daqqa t'id u jrikkbu fil-karozza b'erba' roti li tagħmel ħoss tat-terremoti sabiex jiskapulaw l-għasfur saħħari li jgħaxxik bil-għana tiegħu. U x'jiġri imbagħad? Jekk intom kurjużi, segwu il-paġna ta' facebook fl-ewwel tas-sena biex taqraw il-ġrajja kif tkompli fir-raba' strixxiklu diġitali. Min jixtieq jikseb kopja stampata għandu jiktbilna f'dan l-indirizz: komikstassikkina@gmail.com u aħna nitkbulek lura biex ngħidulek x'għandek tagħmel. Sadanittant tistgħu taraw il-filmat tal-Gawgaw u l-Imlejka - ir-raba' strixxiklu hawn.



Il-qoxra tar-raba' strixxiklu ta' Il-Gawgaw u l-Imlejka - bit-titlu ta' Is-Saħħar Falzun jew Karozza b'erba' roti tagħmel ħoss tat-terremoti.



Il-qoxra tal-pubblikazzjoni l-ġdida STEJJER IMPENĠIJA. Il-komik fih żewġ stejjer : Lejl Imdawwal, u Ħolma b'kitba ta' Bin Għisa u l-Barba Kieli u arti ta' Davida Flores u Audrienne Degiorgio.

STEJJER IMPENĠIJA

Malta Comic-con 2013
 
Waqt li nistennew bis-sabar li l-istorja tal-Gawgaw u l-Imlejka tkompli, il-Komiks tas-Sikkina se jniedu sensiela ġdida msejħa "Stejjer Impenġija".  Il-ħsieb hu li din is-sensiela tersaq iktar viċin tal-"Letteratura".  Tħabblux raskom, il-kitba tibqa' dejjem mexxejja u fantasjuża, u mhux pedantika u għafsija.  L-ewwel pubblikazzjoni se jkun fiha żewġ stejjer qosra, ta' madwar għaxar paġni 'l waħda.  'Il quddiem naraw, imma l-ħsieb hu li nersqu dejjem aktar lejn l-ewwel "graphic novel" bil-Malti.  Tinsewniex.  FITTXUNA UKOLL FUQ FACEBOOK u segwu l-blogg.  Ibqgħu fittxu lil dan is-sit elettroniku għal aktar aħbarijiet ġodda.  
                                           Tpenġija ta' Davida Flores - Tifsila Grafika ta' Bin Għisa - Kitba tal-Barba Kieli






LIL PIJU S-SURĠENT MALAJR TAQBIŻLU Ċ-ĊINGA 

Piju s-Surġent jgħin lil dawk ta' magħna, u jkisser u jfarrak lil ta' kontrina.  Lil Piju ħadd ma jagħmillu l-bżieq fuq imnieħru, għax Piju jara fil-bogħod, stonkuż, ħaxixu, u kapaċi joħroġ u jdaħħal lil kulħadd fil-but.  Moħħu jilħaqlu, u ħadd ma jħabbatha miegħu.  U jekk għall-madonċi jkun hemm min ifettillu jikser il-buon ordni u jipprova jbeżża' u jnaffar ċittadini bla ħtija, Piju malajr iqiegħdu għall-frisk għax ħaqq almadoffi Piju jiddejjaq jara l-kuntrarju u l-vendikazzjonijiet.  Jekk int wieħed minn dawk li jħobbu jaqilgħu l-inkwiet, jew idejqu lin-nies, jew jagħmlu l-ħsara, jew jekk int xi wieħed pezza kustjoni, boqqa brodu, ta' qattagħni, ġlieda tikolha bil-ħobż, vandalu, beżqa, fiswa, żiblu, jew dardira, oqgħod attent ħa ngħidlek.  Jekk jaqbdek Piju jaħtfek xi ħatfa minn sidrek.  Lil Piju jdejquh nies hekk.
























Dawk li għad m'għandhomx kopja tal-istrixxiklu tal-Kranium: "Il-Qamar fil-Bir", iktbulna, u nibgħatulkom kopja.     



INDOMMU
AKTAR ĦOLOQ

F'taqsima oħra li nidejna fuq in-naħa tax-xellug ta' dil-paġna, qed noħolqu kuntatt ma' partijiet oħra tal-internet biex inħajrukom titkixxfu aktar fuq l-istorja tal-komiks f'Malta.  Jekk tagħfsu fuq il-buttuna msejħa "Ħoloq" issibu aktar tagħrif dwar stejjer impinġija li xxandru f'pajjizna.  Dejjem tajjeb li tkun taf aktar fuq dawn l-affarijiet.

FILMATI MILL-youtube

Araw ftit il-filmati li tul dawn l-aħħar xhur konna tfajna fil-youtube.  Dawn issa tfajnihom f'dan is-sit ukoll.  Fittxuhom fuq in-naħa tax-xellug ta' din il-paġna.



Agħti titwila lit-taqsima
"Il-Gawgaw u l-Imlejka" u ara fejn waslet l-istorja s'issa. 
Żdiedu wkoll aktar persunaġġi
fit-taqsima "Karattri".

SĦAĦAR U EĦIRSA MALTIN




Malta aktarx li hi l-uniku pajjiz fid-dinja li l-kultura tiegħu ma tinkludix persunaġġi tal-fantasija li huma magħrufa u aċċettati bil-ferħa jew bil-biza' fil-fantasija kollettiva tal-poplu.  ĠAĦAN hu xi ftit magħruf fostna imma, minkejja kollox, spiċċa karattru daqsxejn taz-zufjett u m'għandux il-ħakma fuq moħħ in-nies li għandhom karattri ta' ġnus oħra.  Il-ĦARES ukoll spiċċa jagħmel parti mid-dinja tan-nanna Gerit u illum ftit hawn min għadu jagħti kasu.  Ħaddieħor għandu l-fairies, u l-pixies, u lil Superman, u lil Batman, u lil Father Christmas, u lil La Befana, u lil Pinokkjo, u l-Drakula, u l-Frankenstein, u aħna kuntenti nilludu ruħna li dawn il-karattri huma tagħna wkoll, meta fil-fatt m'humiex.  Kuntenti nbossu b'sorm ħaddieħor u lil tagħna nagħtuh bis-sieq.  Għax moħbija bejn il-versi tal-ilsien Malti, karattri tal-fantasija HEMM - imma ma rridux nafu bihom.  Il-Ħares hi kelma li tfisser "gwardjan/għassies" - xi ħadd li qed iħares x'imkien jew xi ħaġa (mhux veru li ġejja mill-kelma Latina Lares, imma minn għerq ta' verb Malti, bħal meta ngħidu "Alla jħarisna" jew "Alla ħares").  Mela l-Ħares hu għassies u hu differenti minn Ruħ jew Fatat; u l-istejjer tal-ħares li nafu bihom juruk li hu persunaġġ differenti minn ruħ jew fatat.  Ix-XJAFEK insemmuhom mingħajr ma jgħaddilna minn rasna x'jistgħu jkunu.  L-kelma "GĦAFRIT", dari komuni ħafna, llum qed tintnesa.  L-GĦUL diġa ntnesa, imma dari kien magħruf ħafna, kemm hu u kemm in-Nanna Għula.  Tgħid jirnexxielna naħtfu lil dawn il-karattri minn xifer l-abbiss tal-estinsjoni?  Kull bidu hu iebes.  Jgħidu li qabel ma l-aħwa Grimm qabdu l-ħrejjef li kienu jafu, u daruhom tidwira sewwa, il-ħrejjef u l-karattri tagħhom kienu ħorox, u jinbuttawk, u xi ftit ħamalli.  Illum saru industrija internazzjonali.  

 
 




Għalissa, il-Komiks tas-Sikkina huma magħmula minn żewġ sensiliet: Is-sensiela tal-Gawgaw u l-Imlejka, li se jkollha mill-anqas ħames strixxikli, (jekk mhux iżjed); u sensiela oħra bl-isem ta': l-Għid tal-Erwieħ, li tirrakkonta l-istorja tal-grupp mużikali KRANIUM.

Iż-żewġ sensiliet huma indipendenti minn xulxin, u huma mpenġija minn artisti differenti.  Il-karattri ta' ġo fihom għandhom ismijiet li jinstabu fil-vokabularju tal-ilsien Malti:  Il-Gawgaw, il-Ħajbu, il-Ħares, il-Mingħul, it-Tork tat-Taraġ, il-Ħanżira tal-Erwieħ, Ninu Xkora, eċċ.  IMMA nixtiequ nserrħulkom raskom li dawn l-istrixxikli m'humiex xi antikalja ta' Wenzu u Rożi, jew xi "folklor", jew xi tagħlim tal-istorja ta' Malta jew ta' ħrejjef missirijietna.  HEMM xi elementi tal-ħrejjef, imma dawn l-istrixxikli huma maħsuba għall-kbar (tal-anqas dawk 'il fuq minn sittax-il sena), huma friski u moderni, u anke xi ftit imqarbin.  Aqrahom biex tara.  



Dawn il-komiks jinxtraw minn għandna meta narmaw mejda f'xi attivita' bħal m'hi l-Earthgarden, jew Notte Bianca, jew il-Comic Con.  Tistgħu issibuhom wkoll mill-ħanut tal-
Malta Comics and Collectibles, Nru 60, Triq San Duminku, Tas-Sliema (kantuniera ma' Triq Manwel Dimech).   Jekk tibgħatu email fuq ggatt77@hotmail.com nistgħu niftehmu kif nibgħatulkom il-komiks bil-posta.  
 
Nieħdu gost ħafna nisimgħu minn għandkom.  Ikkuntattjawna. 


 
Today, there have been 5 visitors (8 hits) on this page!
This website was created for free with Own-Free-Website.com. Do you want your own website too?
Register for free