Il-Gawgaw u l-Imlejka
ir-raba' strixxiklu
Sa fl-aħħar wasal! Ir-raba' strixxiklu mis-sensiela ta' Il-Gawgaw u l-Imlejka fejn inkomplu nsegwu l-vjaġġ imwiegħer tal-Gawgaw li qed ifittex lill-Imlejka. F'din il-ħarġa jiltaqa' mas-Saħħar Falzun u l-Qajd - l-għassies ta' Bufies u ż-żiemel tiegħu li jiġri daqs ir-riħ. Il-Gawgaw jeħtieġlu jgħaddi għan-naħa l-oħra tal-ġnien 'li jikber u jiċkien' biex jasal fejn għandu jasal u għalhekk jissellef iż-żiemel tal-Qajd. Meta jgħaddi għan-naħa l-oħra jħabbat wiċċu mal-iljun ta' Bufies li jkun irid jitfgħu 'l barra imma ma jdumx ma jqiegħdu f'postu. Bħas-soltu minn imkien jitfaċċa l-Ħajbu biex jagħti daqqa t'id u jrikkbu fil-karozza b'erba' roti li tagħmel ħoss tat-terremoti sabiex jiskapulaw l-għasfur saħħari li jgħaxxik bil-għana tiegħu. U x'jiġri imbagħad? Jekk intom kurjużi, segwu il-paġna ta' facebook fl-ewwel tas-sena biex taqraw il-ġrajja kif tkompli fir-raba' strixxiklu diġitali. Min jixtieq jikseb kopja stampata għandu jiktbilna f'dan l-indirizz: komikstassikkina@gmail.com u aħna nitkbulek lura biex ngħidulek x'għandek tagħmel. Sadanittant tistgħu taraw il-filmat tal-Gawgaw u l-Imlejka - ir-raba' strixxiklu hawn.
Il-qoxra tar-raba' strixxiklu ta' Il-Gawgaw u l-Imlejka - bit-titlu ta' Is-Saħħar Falzun jew Karozza b'erba' roti tagħmel ħoss tat-terremoti.
Il-qoxra tal-pubblikazzjoni l-ġdida STEJJER IMPENĠIJA. Il-komik fih żewġ stejjer : Lejl Imdawwal, u Ħolma b'kitba ta' Bin Għisa u l-Barba Kieli u arti ta' Davida Flores u Audrienne Degiorgio.
STEJJER IMPENĠIJA
Malta Comic-con 2013
Waqt li nistennew bis-sabar li l-istorja tal-Gawgaw u l-Imlejka tkompli, il-Komiks tas-Sikkina se jniedu sensiela ġdida msejħa "Stejjer Impenġija". Il-ħsieb hu li din is-sensiela tersaq iktar viċin tal-"Letteratura". Tħabblux raskom, il-kitba tibqa' dejjem mexxejja u fantasjuża, u mhux pedantika u għafsija. L-ewwel pubblikazzjoni se jkun fiha żewġ stejjer qosra, ta' madwar għaxar paġni 'l waħda. 'Il quddiem naraw, imma l-ħsieb hu li nersqu dejjem aktar lejn l-ewwel "graphic novel" bil-Malti. Tinsewniex. FITTXUNA UKOLL FUQ FACEBOOK u segwu l-blogg. Ibqgħu fittxu lil dan is-sit elettroniku għal aktar aħbarijiet ġodda.
Tpenġija ta' Davida Flores - Tifsila Grafika ta' Bin Għisa - Kitba tal-Barba Kieli
LIL PIJU S-SURĠENT MALAJR TAQBIŻLU Ċ-ĊINGA
Piju s-Surġent jgħin lil dawk ta' magħna, u jkisser u jfarrak lil ta' kontrina. Lil Piju ħadd ma jagħmillu l-bżieq fuq imnieħru, għax Piju jara fil-bogħod, stonkuż, ħaxixu, u kapaċi joħroġ u jdaħħal lil kulħadd fil-but. Moħħu jilħaqlu, u ħadd ma jħabbatha miegħu. U jekk għall-madonċi jkun hemm min ifettillu jikser il-buon ordni u jipprova jbeżża' u jnaffar ċittadini bla ħtija, Piju malajr iqiegħdu għall-frisk għax ħaqq almadoffi Piju jiddejjaq jara l-kuntrarju u l-vendikazzjonijiet. Jekk int wieħed minn dawk li jħobbu jaqilgħu l-inkwiet, jew idejqu lin-nies, jew jagħmlu l-ħsara, jew jekk int xi wieħed pezza kustjoni, boqqa brodu, ta' qattagħni, ġlieda tikolha bil-ħobż, vandalu, beżqa, fiswa, żiblu, jew dardira, oqgħod attent ħa ngħidlek. Jekk jaqbdek Piju jaħtfek xi ħatfa minn sidrek. Lil Piju jdejquh nies hekk.
Dawk li għad m'għandhomx kopja tal-istrixxiklu tal-Kranium: "Il-Qamar fil-Bir", iktbulna, u nibgħatulkom kopja.
INDOMMU
AKTAR ĦOLOQ
F'taqsima oħra li nidejna fuq in-naħa tax-xellug ta' dil-paġna, qed noħolqu kuntatt ma' partijiet oħra tal-internet biex inħajrukom titkixxfu aktar fuq l-istorja tal-komiks f'Malta. Jekk tagħfsu fuq il-buttuna msejħa "Ħoloq" issibu aktar tagħrif dwar stejjer impinġija li xxandru f'pajjizna. Dejjem tajjeb li tkun taf aktar fuq dawn l-affarijiet.
FILMATI MILL-youtube
Araw ftit il-filmati li tul dawn l-aħħar xhur konna tfajna fil-youtube. Dawn issa tfajnihom f'dan is-sit ukoll. Fittxuhom fuq in-naħa tax-xellug ta' din il-paġna.
Agħti titwila lit-taqsima
"Il-Gawgaw u l-Imlejka" u ara fejn waslet l-istorja s'issa.
Żdiedu wkoll aktar persunaġġi
fit-taqsima "Karattri".
SĦAĦAR U EĦIRSA MALTIN
Malta aktarx li hi l-uniku pajjiz fid-dinja li l-kultura tiegħu ma tinkludix persunaġġi tal-fantasija li huma magħrufa u aċċettati bil-ferħa jew bil-biza' fil-fantasija kollettiva tal-poplu. ĠAĦAN hu xi ftit magħruf fostna imma, minkejja kollox, spiċċa karattru daqsxejn taz-zufjett u m'għandux il-ħakma fuq moħħ in-nies li għandhom karattri ta' ġnus oħra. Il-ĦARES ukoll spiċċa jagħmel parti mid-dinja tan-nanna Gerit u illum ftit hawn min għadu jagħti kasu. Ħaddieħor għandu l-fairies, u l-pixies, u lil Superman, u lil Batman, u lil Father Christmas, u lil La Befana, u lil Pinokkjo, u l-Drakula, u l-Frankenstein, u aħna kuntenti nilludu ruħna li dawn il-karattri huma tagħna wkoll, meta fil-fatt m'humiex. Kuntenti nbossu b'sorm ħaddieħor u lil tagħna nagħtuh bis-sieq. Għax moħbija bejn il-versi tal-ilsien Malti, karattri tal-fantasija HEMM - imma ma rridux nafu bihom. Il-Ħares hi kelma li tfisser "gwardjan/għassies" - xi ħadd li qed iħares x'imkien jew xi ħaġa (mhux veru li ġejja mill-kelma Latina Lares, imma minn għerq ta' verb Malti, bħal meta ngħidu "Alla jħarisna" jew "Alla ħares"). Mela l-Ħares hu għassies u hu differenti minn Ruħ jew Fatat; u l-istejjer tal-ħares li nafu bihom juruk li hu persunaġġ differenti minn ruħ jew fatat. Ix-XJAFEK insemmuhom mingħajr ma jgħaddilna minn rasna x'jistgħu jkunu. L-kelma "GĦAFRIT", dari komuni ħafna, llum qed tintnesa. L-GĦUL diġa ntnesa, imma dari kien magħruf ħafna, kemm hu u kemm in-Nanna Għula. Tgħid jirnexxielna naħtfu lil dawn il-karattri minn xifer l-abbiss tal-estinsjoni? Kull bidu hu iebes. Jgħidu li qabel ma l-aħwa Grimm qabdu l-ħrejjef li kienu jafu, u daruhom tidwira sewwa, il-ħrejjef u l-karattri tagħhom kienu ħorox, u jinbuttawk, u xi ftit ħamalli. Illum saru industrija internazzjonali.
Għalissa, il-Komiks tas-Sikkina huma magħmula minn żewġ sensiliet: Is-sensiela tal-Gawgaw u l-Imlejka, li se jkollha mill-anqas ħames strixxikli, (jekk mhux iżjed); u sensiela oħra bl-isem ta': l-Għid tal-Erwieħ, li tirrakkonta l-istorja tal-grupp mużikali KRANIUM.
Iż-żewġ sensiliet huma indipendenti minn xulxin, u huma mpenġija minn artisti differenti. Il-karattri ta' ġo fihom għandhom ismijiet li jinstabu fil-vokabularju tal-ilsien Malti: Il-Gawgaw, il-Ħajbu, il-Ħares, il-Mingħul, it-Tork tat-Taraġ, il-Ħanżira tal-Erwieħ, Ninu Xkora, eċċ. IMMA nixtiequ nserrħulkom raskom li dawn l-istrixxikli m'humiex xi antikalja ta' Wenzu u Rożi, jew xi "folklor", jew xi tagħlim tal-istorja ta' Malta jew ta' ħrejjef missirijietna. HEMM xi elementi tal-ħrejjef, imma dawn l-istrixxikli huma maħsuba għall-kbar (tal-anqas dawk 'il fuq minn sittax-il sena), huma friski u moderni, u anke xi ftit imqarbin. Aqrahom biex tara.
Dawn il-komiks jinxtraw minn għandna meta narmaw mejda f'xi attivita' bħal m'hi l-Earthgarden, jew Notte Bianca, jew il-Comic Con. Tistgħu issibuhom wkoll mill-ħanut tal-Malta Comics and Collectibles, Nru 60, Triq San Duminku, Tas-Sliema (kantuniera ma' Triq Manwel Dimech). Jekk tibgħatu email fuq ggatt77@hotmail.com nistgħu niftehmu kif nibgħatulkom il-komiks bil-posta.
Nieħdu gost ħafna nisimgħu minn għandkom. Ikkuntattjawna.
|