Kranium


IL-KOMIKS TAS-SIKKINA
 NIDEW SENSIELA ĠDIDA BL-ISEM TA' 
L-GĦID TAL-ERWIEĦ  F'MEJJU 2009

STRIXXIKLI KRANIUM :
1. ARA ĠEJJA L-MEWT GĦALIK
2. BLA RQAD SA TLUGĦ IX-XEMX
3. IL-QAMAR FIL-BIR



Kranium, huwa grupp rock  li jdoqq mużika ta' barra minn hawn. Huma jsejħu l-mużika tagħhom bħala Demetal. Il-grupp kien iffurmat mill-Ħanż wara li telaq minn grupp ieħor. Il-
Ħanż hu ġuvni ta’ madwar tletin sena. Għandu ħarsa ta’ xitan u moħħu jwassal mhux ħażin. Hu l-kantant u l-bassist tal-grupp. Il-kordi li jdoqq bihom magħmulin mill-imsaren tal-qtates imrobbijin apposta mid-Draga tal-Braqxija.

 

Sħabu, l-Ħassu u Kraws huma ta’ mparu u kienu ltaqgħu għand Lippu tal-inbid fit-Triq tad-Deheb, il-Belt. Hemmhekk kienu daqqew għall-ewwel darba akkustikament u n-nies tal-inħawi jgħidu li minn dakinhar bdiet tidher ras maqtugħa titgerbeb it-turġien tat-triq. Dawn ħwejjeġ tat-tkexkix!! Għalkemm hemm min jgħid li din ma kinitx għajr ċajta goffa taż-żgħażagħ imħarbtin li jintefgħu fil-ħanut ta’ Lippu.

 

Il-Ħassu jdoqq “it-tnabar” kif jgħidilhom hu, għax bihom jgħid li jsejjaħ l-erwieħ u jikkomunika magħhom. Għax hu fatt magħruf li l-Ħassu kien imrobbi minn xi saħħar u dan għallmu l-prattika tal-okkult. Sa minn età żgħira kien jaf jaqra x-xorti u jagħmel xi magħmul fuq dawk li kienu jridulu l-ħsara. Il-laqam “Ħassu” jgħidu li mhux ġej mill-ħaxixa li nieklu imma għax kien iħoss l-ispirti jduru miegħu u jkellmuh. Avolja hemm min jgħid ukoll li jgħidulu hekk għax iħobb itaqtaq ħafna u spiss kien isib min jibagħtu jieħu ħassa.

 

Min-naħa l-oħra, Kraws fommu dejjem mitbuq u trid tħallsu biex ikellmek. Wiċċu ħelu ta’ artist tal-films u t-tfajliet kollha jixxarrbu kif jarawh. Idoqq kitarra speċjali li ħadd ma jaf mnejn ġabha. Hemm għajdut li kienet ta’ Tony Iommi ta’ meta ġew is-Sabbath Malta.   

 

Il-Vann tal-Kranium huwa misteru wkoll. Ibda biex, mhux kull grupp rock ikollu l-vann u l-apparat tiegħu. Imma dan il-vann jirrankonta stejjer strambi ta’ inċidenti gravi, nirien u lqit ta’ sajjetti, u qatt ma ġralu xejn għajr li kultant joqtorlu iż-żejt, idum biex jistartja u jdaħħan daqs ċumnija ta’ vapur. Il-biċċa hi li l-Ħanż (għax il-vann tiegħu) qatt ma għamillu service u mhux darba u tnejn jinsa jitfagħlu l-petrol u jibqa’ għaddej bih għal xahrejn sħaħ. Donnu jaħdem bl-arja. U oħra...(bejnietna din)...jiġri bih fit-triq qisu kullimkien tiegħu u lanqas biss iħallaslu l-liċenzja. Għarukaża! Imma min se jlaħħaq mal-ħażen tal-Ħanż?

Għal aktar tagħrif ara din is-silta mill-blogg.


UĦUX, GDIEWED, MNIEGĦEL....dawn x'jaħbtu?

Fl-istrixxikli tal-Kranium se tiltaqgħu ma xi karattri li huma parti integrali mill-ambjent tal-Komiks tas-Sikkina. Xi ftit minn dawn il-karattri għadhom fil-memorja kollettiva ta' bosta Maltin li laħqu ċerta età, ngħidu aħna kultant jissemmew l-iħirsa, ix-xjafek, l-għefieret, il-belliegħa jew waħx il-baqar u forsi wkoll issib lil xi ħadd minnhom li sema' bil-gawgaw.

Ħafna minn dawn il-karattri nġabru fi ktieb wieħed minn Anton F. Attard bl-isem ta' : Mid-dinja tas-seħer u tal-folklor li ħareġ fl-2002 u aktar tard minn 
Stefan D. Mifsud fil-ktieb tiegħu The Maltese Bestiary maħruġ fl-2014


Fl-2008 aħna tal-
Komiks tas-Sikkina bdejna noħorġu l-ewwel l-istrixxikli: Il-Gawgaw u L-imlejka u Kranium ibbażati fuq dawn il-karattri tas-seħer u l-fantasija Maltin. 


Fl-istejjer tal-Kranium se niltaqgħu ma wħud minn dawn il-karattri u hawn taħt għandkom issibu d-deskrizzjoni taħghom. 


L-Allat u wliedhom
L-allat jippersonifikaw in-natura u għalhekk huma jmexxu s-smewwiet, l-artijiet u l-ibħra u kulma fihom. Tmienja minnhom jissejħu 'l-kbar' u fost dawn insibu l-Imlejka u l-Gawgaw, Is-Serp tas-Seba' Rjus, Ċensa l-Mewt u xi oħrajn li nsemmuhom iktar 'il quddiem fis-sensiela. Uliedhom huma x-Xemx , il-Qamar, il-Kwiekeb, l-Irjieħ, l-Istaġuni, ix-Xhur u bosta oħrajn. L-allat kif jaf kulħadd, spiss jitlewmu bejniethom fuq ta' min hi dik l-art jew inkella jħabbtu rashom ma' xulxin biex juru min minnhom huwa l-aqwa. Fost l-allat il-kbar insibu s-Serp tas-Seba' Rjus li huwa l-iktar wieħed 'pixxikalda' minnhom kollha u peress li hu l-alla tal-baħar, ta' sikwit ikun irid jibla' l-art.

Iblis u Bedud u magħhom Inanna Draga li nikkonsidrawhom bħala wlied is-Serp tas-Seba' Rjus, għalkemm isaltnu fl-artijiet rispettivi tagħhom, insibuhom ħaġa waħda ma' missierhom biex jikkonkwistaw kemm jistgħu mit-territorju tal-allat l-oħra.

L-Għewiel
Jekk l-allat huma l-istess natura, allura l-għewiel huma l-ħarriesa tagħhom, jiġifieri l-gwardji li jħarsu l-ħolqien u l-għemejjel tal-allat. L-Għewiel insibuhom għassa ma' postijiet naturali imma peress li l-allat ħolqu ukoll il-bliet u r-rħula, insibu ukoll dawn l-għewiel preżenti fid-djar u l-palazzi biex jaħdmu favur l-allat rispettivi tagħhom.

Kull alla għandu għad-dispożizzjoni tiegħu bosta minn dawn l-għewiel u dawn jobdu l-kmand tiegħu mingħajr l-iċken tniffisa jew tgergira u huma lealissmi lejh anki jekk jinqerdu minn wiċċ id-dinja. L-għewiel mela, jistgħu imutu imma jekk ħadd ma jagħmillhom xejn jistgħu jgħixu eluf u miljuni ta' snin. Xi wħud minnhom fil-fatt għadhom ħajjin sa mill-ħolqien tad-dinja.

Kull alla tista' tgħid għandu l-armata ta' għewiel tiegħu, biex jgħassulu ħwejġu, biex jaqduh u  biex jimxu skond l-amar tiegħu. Għalhekk insibu wkoll li kull alla jsejjaħ l-għewiel tiegħu b'isem differenti minn ta' allat oħra minħabba l-ambjent differenti li jaħdmu fih u li jgħixu fih. 

Ngħidu aħna: 

l-għewiel (ħarriesa u għassiesa tal-Imlejka jissejħu l-uħux,
tal-Gawgaw jissejħu iħirsa,
tas-Serp jissejħu t-tannin,
ta' Ċensa l-Mewt jissejħu s-sofor u
ta' Iblis jissejħu x-xjaten.

Fil-fatt id-dehra tal-għewiel tvarja ukoll skond l-ambjent li jkunu fih, jiġifieri l-għewiel li jkunu qed jgħassu l-imsaġar se jkollhom xbiha ta' bhima goffa, kerha u ħarxa, waqt li dawk fid-djar u fl-ibliet x'aktarx ikollhom dehra iktar ta' annimal domestikat jew ta' bniedem. Dawk li jeħtieġu jgħassu l-ajru se jkollhom il-ġwienaħ u dawk l-għewiel li jimmanuvraw fid-dinja tal-baħar se jkollhom dnieb il-ħut.

L-għewiel fil-biċċa l-kbira għandhom dehra annimaleska jew dik ta' nofs bnedmin u nofs bhima. Imma hemm minnhom ukoll li għandhom is-sura ta' bniedem u li xorta kapaċi jinbidlu f'annimal biex ma tintebahx bihom.  Fost l-għewiel li għandhom is-sura ta' bniedem insibu l-iħirsa, id-dragiet kif ukoll ix-xjaten


Ix-Xjaten

Hemm tliet kategoriji ta' xjaten:


Il-Friegħen (singular Fergħun)
l-Għefieret (singular: Għafrit) u
x-Xjafek (singular: Xifajk).

F'dawn il-kategoriji insibu bħal ġerarkija u taqsimiet li jaħdmu xi ħaġa hekk:

Il-Friegħen huma l-elit tax-xjaten, il-kmandanti u l-ġenerali fuq ix-xjaten. Huma ħorox u manipulattiv. Jamministraw f'Buġibda, jiġifieri fejn isaltan Iblis u fejn insibu l-biċċa l-kbira tax-xjaten.

L-għefieret għandhom moħħhom jilħqilhom, ħfief daqs ir-riħ jew aktar u b'saħħithom daqs ġgant. Kapaċi jaħdmu waħidhom fil-moħbi bħala aġenti sigrieti, speċi ta' CIA jew KGB, spjuni u assassini imma jistgħu ukoll jissejħu minn Iblis biex jingħaqdu fi qtajja' bħala l-qawwa tal-ajru tiegħu. Insibhom kullimkien f'Buġibda, f'Bufies, fid-dinja ta' fuq u ta' taħt.


Ix-Xjafek jagħmlu l-impossibli, ngħidu aħna bħal jidħlu fin-nar, jaqbżu minn fuq xi sur għal isfel, iħaffru mini taħt l-art, jitilgħu ma' kollox u jgħaddu minn kullimkien kif ukoll iġorru l-erwieħ lejn Buġibda. Ix-xjafek joperaw fi skwadri apposta bħal speċi ta' Commandoes ta' Iblis imma jingħaqdu mal-Għefieret taħt il-kmand tal-Friegħen fi ġliba msejħa Boxxla Xjaten jew inkella javvanzaw għal xi attakk f'numru ferm ikbar ta' xjaten imsejħin Leġjuni jew Eżerċti.



Il-Mniegħel

Mingħul huwa bniedem li daħal fih xitan jew iktar minn wieħed. Mingħul għandu setgħat qawwija u ħila barranija biex jagħmel dak li suppost jagħmel, jiġifieri jfixkel, iqarraq, iħarbat u kull għawl ieħor immaġinabbli biex iżid it-taħwid fid-dinja. Minħabba x-xjaten ta’ ġo fih, il-mingħul jikrieh bil-bosta. Mingħul kapaċi jitla' ma’ kampnar f’kemm trodd salib u jaqbeż għal isfel mingħajr ma jiġrilu xejn. Kapaċi jaqbeż il-ħitan għoljin u jlebbet iktar minn żiemel tat-trott. Għandu saħħa biex jgħawweġ il-ħadid u jerfa’ toqol kbir. Fost l-ismijiet ta' mniegħel magħrufa insibu lil Sarangu u Kelejlu.

Il-mingħul għalhekk jaħdem favur il-qawwiet ta' 
Iblis u allura wkoll tas-Serp tas-Seba' Rjus. L-ekwivalenti tal-mingħul favur il-qawwiet tal-Gawgaw u l-Imlejkahuwa l-Mibdul li wkoll huwa bniedem iżda l-għul li daħal fih, ikun ixaqleb lejn in-naħa t-tajba tan-natura. Hekk ukoll insibu li l-mibdulin għandhom setgħat speċjali u li kapaċi jagħmlu ħwejjeġ straordinjarji u sopranaturali. Fl-istejjer tal-Komiks tas-Sikkina nsibu bosta mibdulin, fost l-iktar prominenti nsibu lill-Ħajbu u lil Piju s-Surġent. 

 

Id-Dragiet

 

Id-dragiet jirrappreżentaw it-telqa u l-abbandun tal-irħula. Id-dragiet huma għuliet jiġifieri għewiel nisa li jkollhom setgħat qawwija tas-seħer. Id-draga għandha xogħol partikulari dak li tħares il-fetħiet u daħliet li jagħtu għad-dinja ta' taħt speċjalment għal Buġibda. 

Mibgħuta minn Inanna Draga sidt id-dragiet kollha, id-draga tidħol f’post magħżul, tikkapparrah u tilagħnu, jiġifieri ġġib is-saħta fuqu permezz tas-seħer faħxi tagħha. Għalhekk, post hekk, okkupat u mgħarraq minn xi draga ngħidulu post “
milgħun”. Post milgħun ikun imwarrab, diżabitat u miskerrah fejn in-nies m'għadhiex tesaq.

Post milgħun ikun maħruq jew niexef qoxqox u bla ħajja, nkella bil-kontra, mistagħdar bl-ilma qiegħed, jinten u invażat bl-insetti u ħlejjaq jigdmu u joqorsu. Post milgħun ikun ukoll xi midfen abbandunat jew xi maqdes desagrat.

Bosta drabi id-draga tieħu isem il-post li tkun ikkapparrat jew li tkun qed tħares bħal ngħidu aħna, id-draga ta' Braqxija, jew id-draga ta' Żawwaluna. Hemmhekk insibu d-draga u għalkemm fil-biċċa l-kbira hi taf topera waħedha, kultant tikkopera ukoll bil-mniegħel, ix-xjaten u l-għefieret.

Id-draga tkun ukoll f’kuntatt mal-bnedmin bħala saħħara u tinnegozja magħhom skont l-interessi ta’ min bagħatha hemmhekk. Normalment id-draga tkun mibgħuta kif għedna minn sidtha Inanna Draga, bint is-Serp imma fl-istorja jista' jidħol ukoll Bedud jekk id-draga jkun jeħtiġilha tmiss ma' xi belt. 

 

Id-dragiet jistgħu jtiru u kapaċi jagħmlu bosta għemejjel li jġibulek għajnejk wara widnejk. Id-dragiet għalkemm fil-biċċa l-kbira minnhom iħobbu jagħmlu l-ħażen, issib xi wħud li jfejqu n-nies jew li jaqbżu għal xi ħadd biex isalvawlu ġildu.

Xi dragiet għandhom il-ġwienaħ, oħrajn m’għandhomx imma xorta jtiru u jagħmlu dan mhux b’xi xkupa kif jaħsbu xi wħud imma billi jirkbu fuq il-mniefaħ li huma bħal tromba tar-riħ.

Id-dehra tad-dragiet ġeneralment tkun waħda mqadda, mkemmxa u kerha għall-aħħar, imma issib minnhom li biex iqarrqu b’dak li jkun, jinbidlu f’xi mara sabiħa u jġibuh fejn iridu. Oħrajn jinbidlu f’xi bhima, bħal serp, kokka jew qattusa, skont il-ħtieġa.

Id-dragiet diffiċli toqtolhom imma jistgħu imutu ukoll b'xi oġġett imsaħħar jew jinqatlu minn xi alla. Għalkemm koroh daqs id-dlam, id-dragiet, ta’ nisa li huma, jħobbu jiżżejnu bid-deheb u l-fided, ċrieket, ġiżirajjen u amuleti li bosta drabi iservuhom ukoll biex iwettqu s-sħarijiet tagħhom.


Fl-istejjer tagħna tal-Kranium, id-draga jgħidulha id-Draga tal-Braqxija. Hija isservi ta' kuntatt bejn il-Kranium u s-Serp ta’ Seba’ Rjus, f'komplot biex dan tal-aħħar, jisfronda l-Bieb tad-Dar ta' Dejjem ta' Ċensa l-Mewt u jidħol isaltan hu minflokha. Id-Draga tal-Braqxija topera minn midfen milgħun f’tarf il-Belt. Hija taf lil Kranium sewwa u rranġatilhom mas-Serp biex jagħtihom is-suċċess li jridu basta jgħinuh biex jaqbad lill-ħanżira tal-erwieħ.

 

 

Iż-żagħkiet għuliet

 

Dawn l-għuliet m'għandniex nitfixkluhom mad-dragiet. Dawn l-għuliet jirrappreżentaw il-qerda tal-bniedem, filfatt huma aġenti ta' Ċensa l-Mewt.

Kif iġib isimha, iż-żagħka għula hija għula li tħajjar lill-irġiel biex jimteddu magħha. Dak ir-raġel li jaqa' għaliha, ikun sar ilsir taż-żagħka għula. Raġel li jiġrilu hekk ngħidu li jkun inħotof.

F’kull belt u raħal x’aktarx li hemm iż-żagħka għula, inkella tnejn. Hija tgħix f’dar li tkun abbandunata u mitluqa imma f’għajnejn il-vittmi tagħha din tinbidel f’dar jew villa lussuża.

Għalkemm xogħolha jixbah lil dak ta’ qaħba, hija ma tilbisx imqaċċat u skullata żżejjed imma għandha stil ta’ klassi u fl-istess ħin senswali f’ilbiesha.  Hija jirnexxielha tiġbed l-irġiel lejha għax għandha poter speċjali, dak li ġġiegħel l-irġiel joħolmu anki meta jkunu mqajmin. 

Iż-żagħka għula għandha l-ħila tilgħab bil-fantasija u tgħawweġ ir-realtà biex twassal raġel fejn tridu hi.  Ġaladarba dan jinħotof minnha, imbagħad irid jew ma jridx isib ruħu serv fidil tagħha, jagħmel dak kollu li tamarlu hi u għal dak li tkun trid hi jkollu tabilfors jaqdiha mill-koxxa.

Kif għedna, iż-żagħka għula hija aġenta ta' Art l-Imwiet, is-Saltna ta' Ċensa l-Mewt imma għandha spirtu ħieles u sikwit tagħmel ta’ rasha. Kull żagħka għula għandha isem.

 

Fl-istejjer tagħna tal-Kranium, iż-żagħka għula jisimha Guzzetta. Hija tgħix f’gabbana qadima tad-dgħajjes. Għandha karozzin bil-kuċċier biex iwassalha fejn għandha bżonn. Taħdem għas-Sofor ta’ Ċensa l-Mewt u anki tagħmel xogħol barrani ma’ Fra Leone l-Kavallieri li hu miktub max-xitan.

 

L-uħux


 

Il-Waħx huwa fost l-eqdem mill-għewiel (l-għassiesa tal-allat) u intrinsikament marbut man-natura selvaġġa. Għalhekk insibu li l-Waħx ikun stramb ħafna, ikrah u sfigurat u dejjem maqtugħ għalih waħdu fejn m’hemmx nies.

Dawn l-uħux għandhom il-forma ta' bhejjem mostrużi. Ikollhom temperament selvaġġ u aħrax. Moħħhom ma jtihomx wisq fejn tidħol matematika u teknoloġija imma jafu jaqraw is-sinjali tan-natura u jħossu il-polz tagħha. Huma għalhekk jimxu istintivament skont in-natura tagħhom u dlonk jobdu  kull kmand mogħti lilhom minn ta' fuqhom, jiġifieri l-allat.

Il-Waħx insibuh kif għedna, jgħasses is-smewwiet u l-ajru kif ukoll l-għammieq u l-ilma taħt l-art. Insibu l-Waħx ukoll iħares l-iġbla, l-imsaġar, il-widien, ix-xagħri u xtut.

Mistura f'xi għar jew ħofra, fl-imkejjen fejn in-nies tad-dinja ma' jkunux, l-uħux joħorġu meta jiftlilhom biex iġerrxu lil dak li jkun milli jersaq lejn l-imkien li jkunu jgħassu, inkella joħorġu jxammu u jħufu biex jaraw li kollox f'postu kif suppost. L-uħux jaqgħu taħt il-kmand tal-Imlejka.

Fost l-uħux li insibu fl-istejjer u li nafuhom b'isimhom hemm: 

Il-Qawqam (magħruf ukoll bħala l-Gendus tas-Sema) li jgħasses is-smewwiet
Il-Golfu (tajra mostruża) li jgħasses l-ajru
L-Ors tal-Gandlora (Ħarus il-Għammieq) li jgħasses l-ilma tax-xorb u s-saqwi
In-Nawnu (qattus kbir u selvaġġ) li jħares l-iġbla
Gidmejmun (qattus kbir u selvaġġ) li jħares l-imsaġar
Il-Bhim (qattus kbir u selvaġġ) li jħares il-widien
Waħx il-Baqar (qattus kbir u selvaġġ) li jgħasses ix-xagħri
Il-Bonn tal-Għar li jgħasess ix-xtut. 



Il-kitbiebes



Il-kitbiebes (bla plural) ikun bħal ġebla minquxa jew statwa li tkun inħadmet biex tipproteġi xi post partikulari. Din l-istatwa jew xbieha minquxa normalment tkun twaħħlet fuq xi bieb biex isservi għal dan ix-xogħol ta’ ħarsien.

L-għewiel jagħmlu għal dan ix-xogħol billi jidħlu
 f'din ix-xbieha tal-ġebel u jagħtuha l-ħajja biex taqdi l-funzjoni li tgħasses xi palazz jew il-ġonna tiegħu. Dan dejjem jiddependi ta' min ikun il-palazz.

Jekk ix-xbieha tal-ġebel tkun ras biss, narawha tħarrek għajnejha jew titkellem. Jekk tkun statwa ta’ tajra bil-ġwienaħ, din tista’ ukoll ittir avolja tal-ġebel. Jekk tkun statwa bir-riġlejn allura narawha timxi, tiġri u anki taqbeż.

Għalhekk statwa li titkellem jew tiċċaqlaq b'dan il-mod għax ikun daħal fiha għul, ngħidulha kitbiebes.

 
Fl-istorja ta’ Kranium insibu l-kavallier Leone li kien miet mijiet ta’ snin ilu u peress li kellu statwa ta’ ljun fil-palazz tiegħu, għamel patt max-xitan biex seta’ jerġa jiġi fid-dinja billi jsir kitbiebes.

 
Ċensa l-Mewt 



Ċensa l-Mewt 
hija s-sultana tad-dwiemes, sidt id-Dar ta’ Dejjem, il-post taħt l-art fejn imorru l-mejtin (ukoll Art l-Imwiet). Iżda hija ma toqgħodx hemm biss imma tiġri minn naħa għal oħra tad-dinja tiġbor l-erwieħ, titfi x-xemgħa ta’ dak u tal-ieħor. Xi minn daqqiet tkun waħidha, drabi oħra jkollha s-Sofor magħha (li huma l-għassies u qaddejja tagħha).Ġeneralment tkun liebsa libsa sewda eleganti u velu iswed jgħattilha rasha u wiċċha. F’idejha żżomm il-musbieħ imkebbes ta’ dak li tkun marret għalih inkella jista’ ikollha f’idha l-barabba bix-xemgħat jixgħelu. Kultant ukoll tidher b'xi stuta f'idha li hija bħal lembut li jitfi x-xemgħat. 

Ma' Ċensa l-Mewt, jmexxu fis-saltan tagħha għandha l-prinċpijiet tagħha lill-Wajju (prekursur tal-mewt) u lil Nar il-Bluh (Konsumatur tal-katavri).


Nar il-Bluh 



Nar il-Bluh huwa l-prinċep u ġeneral tad-Dar ta' Dejjem li jmexxi l-għewiel tad-dwiemes sabiex jieklu l-katavri. Huwa għandu x-xbieha ta' raġel għeri f'ballun ta' nar ikħal li jissimpolizza d-dekompożizzjoni tal-katavri.

Huwa jirrappreżenta t-taħsir u l-elementi li jikaratterizzaw il-proċess tal-mewt u t-tmiem. Lil Nar il-bluh narawh jitbissem tbissima sardonika bħallikieku qed jifraħ bit-tmiem tal-bniedem jew bil-mewt innifisha. Dan forsi għaliex id-Dar ta' Dejjem hi l-post fejn wieħed isib il-misrieħ u għalhekk wieħed għandu jifraħ meta jmut u mhux jibki bħal meta jitwieled.

Kultant Nar il-Bluh jidher fid-dinja fil-forma ta' nar ikħal jitqalleb madwar l-oqbra, jesegwixxi l-ordnijiet tiegħu sabiex jittieklu l-katavri u biex fl-istess ħin jurina bil-bluha tal-ħajja u li fl-aħħar mill-aħħar Ċensa l-Mewt biss li tkun rebbieħa .

Fl-istorja tal-Kranium Nru 2 (Bla rqad sa nżul ix-xemx)naraw lil Nar il-Bluh jintervjeni sabiex ikisser ċirku maġiku li jiftaħ bieb dirett għall-art tal-indannati - b'referenza għal Buġibda.



Il-gdiewed
 



Il-gadawd jew gadawdu huwa bniedem mejjet imma li meta miet daħal fil-katavru tiegħu għul mibgħut minn Ċensa l-Mewt. Minn dak il-ħin dak il-bniedem reġa' qam, mhux mill-mewt imma ttrasforma ruħu f'mejjet ħaj biex iwettaq xi għemil jew xi missjoni partikulari. L-għul li jidħol fih jista' jdum ġo fih eluf jew mijiet ta' eluf ta' snin u għalhekk il-katavru jibqa' jiffunzjona bħala ġisem daqs meta kien għadu ħaj u nistgħu narawh fid-dinja tagħna imma ukoll f'imkejjen oħra speċjalment fid-Dar ta' Dejjem

  • Jekk l-għul jidħol fih meta jkun għadu kif miet allura l-katavru tiegħu jibqa' l-istess kif meta jkun miet mingħajr ma jitmermer.
  • Jekk l-għul daħal fil-katavru meta diġa beda jiddikomponi allura l-ġisem ukoll jibqa' l-istess, jiġifieri immermer imma mingħajr ma' jkompli jitmermer.
  • Jekk l-għul ta' Ċensa l-Mewt joħroġ mill-katavru, ruħ il-mejjet tibda' l-vjaġġ lejn art l-imwiet u l-katavru jittiekel kif titlob in-natura tal-mewt.  

Meta l-għul jidħol f'katavru dikompost narawh, joħroġ minn qabru u jibda' miexi mixja ta' ġabas, kważi se jaqa' u ma' jaqax, għax diġa' jkollu n-nervituri mikulin mid-dud. L-istess il-fakultà tar-raġuni tkun telqitlu u spiċċat jekk l-istess dud ikun nawwarlu nofs moħħu.

Imma ma jkunx hekk, jekk l-għul jidħol fil-katavru meta jkun għadu ftit siegħat mejjet għax l-intern ikun għad ma ntmessx.

Dawk il-gdiewed li tingħatalhom missjoni speċjali jew inkarigu partikolari fil-qadi tas-Saltna ta' Ċensa l-Mewt niddistingwuhom mill-gdiewed komuni billi nsejħulhom Qjades. Wieħed ngħidulu Qadajs u kull Qadajs bħala qaddej importanti ta' Ċensa l-Mewt, ikollu ix-xogħol partikulari tiegħu u fost dawn insibu lil

  • il-Faraboj il-bojja tal-iġġustizzjati, lil
  • Fra Krispin il-gwida tal-erwieħ u lil
  • Ninu Xkora il-Bewwieb tal-kanċell tad-Dar ta' Dejjem.
 

Il-Faraboj
 



Il-Faraboj huwa qadajs mogħti inkarigu speċjali minn Ċensa l-Mewt sabiex jieħu ħsieb dawk l-erwieħ li fid-dinja sabu lill-bnedmin bħalhom biex jiġġustizzjawhom u jaħsduhom mill-ħajja qabel il-waqt permezz tal-piena kapitali.  Ċensa tara li dan mhuwiex skond il-ħaqq tagħha bħala alla suprema u ġusta imma huwa l-ħaqq imgħawweġ tal-bniedem. Għalhekk ma tieħux ir-responsabbiltà ta' din l-azzjoni imma taċċetta biss ruħ il-bniedem iġġustizzjat.

Il-Faraboj f'ħajtu ħadem ta' bojja u 
meta miet Ċensa l-Mewt għażlitu bħala qadajs tagħha sabiex jingħata l-inkarigu li jeżegwixxi l-kundanna tal-mewt fuq l-ikkundannati mill-qorti tal-bniedem. B'hekk ir-responsabbilità ta' ħaqq il-bniedem tibqa' fuq il-bniedem.

Id-dehra tal-Faraboj hija dik ta' bniedem goff, żorr u ikrah, b’daqna folta u fartas għal kollox. Żaqqu barra u kważi għarwien imma fl-istess ħin imlibbes it-tpenġija ta’ simboli u kitba tas-supremazija fiergħa tal-bniedem, miksi bit-tpenġija kullimkien, fuq rasu u fuq wiċċu ukoll maħżużin xi simboli li jirriflettu l-ħażen u setgħa falza tal-bniedem.

Il-Faraboj huwa l-qaddej fidil ta’ Ċensa l-Mewt u jimxi skont l-amar tagħha. Raġel qisu kolonna, mqit b’għajnejn ħorox, u la juri biża’ u anqas ħniena. Wiċċu iebes daqs il-ġebel. F’idu jżomm kanċ kbir li bih idendel in-nies biex jgħallaqhom. 



Fra Krispin 



Fra Krispin, xwejjaħ kapuċċin, qadajs li għandu l-inkarigu li jwassal l-erwieħ lejn id-destinazzjoni tagħhom. Fra krispin għen bosta nies batuti u foqra meta kien ħaj u n-nies tagħtu qima kbira wara mewtu tant li l-katavru tiegħu sab ruħu mmumifikat u ppreżervat permezz ta' għul ta' Ċensa l-Mewt li riedet lil Fra Krispin jiggwidalha l-erwieħ lejn id-Dar ta' Dejjem sabiex ma jintilfux fil-vjaġġ tagħhom.

Fl-istorja tal-Kranium, Fra Krispin iqum minn qabru biex jieħu ħsieb il-kappella tal-għadam li l-ħitan tagħha huma miksijin u mżejnin bil-għadam tal-mejtin. Din il-kappella kienet inqerdet fil-ġwerra l-kbira imma ħaġa tal-għaġeb, hemm nies li jgħidu li, għaddew minn hemm f’nofs ta’ lejl u raw il-kappella wieqfa ġebla fuq ġebla u semgħu it-talb fiha u daħlu ġewwa u raw id-dawl tax-xemgħa jnemnem u jilgħab bil-dellijiet tal-għadam imwaħħal mal-ħitan.

Fl-Għid tal-Erwieħ u fil-ħin tal-imwiet (jiġfieri wara li jkun dalam sewwa u kulħadd ikun miġbur f’daru) Fra Krispin idoqq il-qanpiena tal-kappella tal-għadam biex isejjaħ l-erwieħ biex jitilgħu fid-dinja u jieklu mill-kaldarun tal-erwieħ.



Ninu Xkora 



Ninu Xkora huwa l-Bewwieb tad-Dar ta' Dejjem, dak li jiftaħ u jsakkar il-kanċell u jdaħħal l-erwieħ fis-Saltna ta' Ċensa l-Mewt.

Fid-dinja ġieli jidher mar-rixtelli taċ-ċimiterji u jdaħħal lil dawk li jmorru biex juru rispett lejn il-mejtin. Hemm min jgħid li Ninu Xkora huwa ruħ twajba u hemm min jgħid li hu gadawd. Teknikament huwa tal-aħħar imma jissejjaħ ukoll Qadajs għax għandu dan l-inkarigu importanti fis-Saltna ta' Ċensa l-Mewt.

Hu x’inhu, Ninu Xkora mhux xi wieħed ikraħ anzi raġel sabiħ, b’għajnejn niffieda u b’par mustaċċi folti u mibrumin. Raġel matur u ppreservat,  mibni b’saffejn u fih mogħla hawn. Liebes pulit biż-żarbun, qmis, terħa u sidrija u f’idu dejjem iżomm fanal mixgħul. Hu raġel ta' ftit kliem. Jiftaħlek il-kanċell u jagħmillek sinjal bil-fanal mnejn għandek tgħaddi. U daqshekk. Għandek mnejn ma' tarahx iżjed.

  


L-għammada



L-għammada huma bħal sħaħar ta' taħt l-art. Xi darba kienu jgħixu fid-dinja tal-ħajjin bħala għarrafa tal-mejtin (mediums).

Meta twieldu daħal fihom xi għul ta' Ċensa l-Mewt u saru bħala aġenti tagħha - jaħdmu għaliha favur l-erwieħ. Għalhekk jixbhu xi ftit lill-Mibdulin u lill-Mniegħel għax dawn ukoll fihom għandom għul jew xitan (li hu għul ukoll).

L-Għammada jagħmlu parti mix-Xirka tal-Erwieħ li xogħolha hu li tieħu ħsieb l-erwieħ fid-dinja u li tgħinhom jagħmlu l-passaġġ tagħhom lejn id-dinja l-oħra, jiġifieri id-Dar ta' Dejjem.

Fid-dinja huma jaħdmu bħala għarrafa jew sħaħar tal-mejtin u meta jmorru fid-Dar ta' Dejjem bis-seħer tagħhom huma jżommu bħal kefen iswed kbir fuq l-erwieħ tal-mejtin biex la jaraw u lanqas jisimgħu x’inhu jiġri fid-dinja ta’ fuq. U min-naħa l-oħra lanqas il-ħajjin ta' fuq ma jkunu jafu x'inhu jiġri hemm taħt. L-għammada huma ukoll il-ministri ta' Ċensa l-Mewt li jieħdu ħsieb it-tmexxija tas-saltna tagħha taħt il-kmand ta' Nar il-Bluh.

Lill-għammada nagħrfuhom malajr għaliex jilbsu kunfratija (bħal libsa twila sa l-art) bajda jew sewda, wiċċhom mgħammad u b'żewġ toqob għall-għajnejn. F'rashom jilbsu kappa twila bil-ponta fil-forma ta' stuta jew lembut. F'idhom jista' jkollhom virga li fuqha jkollha fanal jixgħel jew inkellha jżommu xi xemgħa twila bħal blandun. 

 


Il-Ħanżira tal-Erwieħ


Il-Ħanżira tal-Erwieħ hija simbolu ta' Ċensa l-Mewt.

Fin-natura tagħha, il-ħanżira tiekol kollox u saħansitra kapaċi tattakka bniedem, toqtlu u tiekol minnu - għalhekk bħall-mewt xejn ma jiskappalha minn taħt ħalqha. Il-ħartum tal-ħanżira, (jiġifieri mnieħerha tawwali u geddumha) hu magħmul biex iħaffer u jiekol ukoll l-għeruq tax-xtieli, bħallikieku qed tħaffer l-oqbra.

Minħabba dan, f'għajnejn in-nies tal-qedem, il-ħanżira kienet tirrappreżenta l-Mewt.

F'Malta ukoll kienet xterdet tradizzjoni f’xi rħula Maltin, li xi ħadd jitlaq ħanżira tiġġerra fit-toroq sabiex tingħalef min-nies u meta tismen sewwa, tinqatel fl-Għid tal-Erwieħ (2 ta' Novemebru), 
tissajjar u titqassam lill-foqra bħala ikel. Inkella, kienet tinbiegħ lil xi sinjur biex jagħmel minnha xi pranzu ukoll f'ġieħ il-mejtin. Dan kollu b’suffraġju għall-erwieħ. Għalhekk il-ħanżira saret ukoll simbolu tal-erwieħ.

Fl-istorja ta’ Kranium is-Sultana l-Ħamra, (li hi allegorija għal oħt Ċensa l-Mewt, alla tal-ħajja), tidħol fil-Ħanżira tal-Erwieħ f'kull sena sabiex bil-qatla tal-ħanżira u t-tekil ta’ laħamha jkun komplut iċ-ċiklu naturali li jgħaqqad il-mewt mal-ħajja u l-ħajja mal-mewt.

 

Il-mara l-bajda 



Il-Mara l-bajda hija ruħ sabiħa u twajba. Xagħarha twil iswed u b’kuruna tal-ward f’rasha. Liebsa lbies senswali tal-ħarir abjad, iperper ma’ kull żiffa u jarmi d-dawl bajdan f’qamar kwinta. Il-mara l-bajda tħobb tippassiġġa fuq xfar is-swar, fil-ġonna tal-foss jew fil-kurituri mudlama tal-forti. Hija r-raħħaba tal-forti, jiġifieri tilqa’ lil dawk li jżuruh u tiggwidahom f’dak li jeħtieġu. Hija tgħin ukoll lill-Ħares tal-Wardija biex il-forti ma jkunx maħbut minn xi forza ta’ taħt l-art. Bħall-mara l-bajda, wieħed jisma’ wkoll bil-mara l-kaħla. Mara bajda jew kaħla mhux waħda insibu imma diversi oħrajn imxerrdin ma’ Malta. Dawn kollha erwieħ nisa li sfaw vittmi ta’ xi imħabba qarrieqa jew xi ġrajja traġika. Il-leġġenda tgħid li l-mara l-bajda kienet tfajla li sfat vittma tal-imħabba qarrieqa ta’ wieħed kavallieri. L-istorja tgħid li darba dan il-kiefer daħħalha f’kamra sigrieta fil-forti fejn kellu l-ħsieb li jagħmel magħha iżda kien se jinqabad fil-fatt mill-prijur tal-ordni u biex jgħatti xturu, waddab lit-tfajla mit-tieqa għal isfel fejn mietet taħt is-sies.  Il-mara l-bajda għadha tidher sa llum timxi fuq is-swar b’ilbiesha jtir fir-riħ u jixgħel il-bjuda fid-dawl ta’ qamar. Donnha ruħ mitlufa.... tistenna.... tistenna.
 


Is-Serp tas-Seba’ Rjus 



Is-
Serp tas-Seba' Rjus
 huwa wieħed mis-slaten il-kbar, alla tal-baħar u ta’ taħt l-art. Huwa jissejjaħ ukoll l-Għaġeb tal-ilma, s-Serpentin, id-Dragun Draganti jew sempliċiment is-Serp. Ħsiebu dejjem kif se jkabbar is-saltna u jsaħħaħ il-qawwiet tiegħu. Għal dan il-għan huwa firex saltnatu permezz ta' uliedu li okkupaw id-dinja ta' taħt u oqsma mid-dinja ta' fuq.

Ulied is-Serp huma:
  • Iblis - Sid Buġibda (art ix-xjaten) u d-Dinja ta' Taħt
  • Bedud - Sid Hendum (belt mikfusa), jirrappreżenta d-dekadenza tal-ibliet
  • Inanna Draga - Sidt id-dragiet - tirrappreżenta d-dekandenza tar-raba' u tal-irħula 
Is-Serp tas-Seba' Rjus jgħammar taħt l-art ta' ġebel kbir (muntanja) x'imkien fuq l-artijiet ta' Baħar il-Barrani magħruf ukoll bħala l-Baħar tal-Venezjal. 

It-tannin huma l-għassiesa u l-qaddejja prinċipali tiegħu u dawn jgħixu f'qiegħ il-baħar. Nafuhom ukoll bħala t-tritoni u s-sereni.

Fl-istorja ta’ Kranium huwa jaħdem vann speċjali fil-foroġ tiegħu taħt l-art sabiex bih ikun jista’ jifqa’ bieb id-Dar ta’ Dejjem u b’hekk ikollu f’idejh l-erwieħ kollha tad-dinja. Bl-erwieħ f’idejh, is-Serp għandu mnejn jikkontrolla iktar dak li jsir fid-dinja. Il-vann jagħtih lil Kranium bil-patt u l-kundizzjoni li jaħtfu l-ħanżira tal-erwieħ (allura lis-sultana l-ħamra, alla tal-ħajja) u biha fil-vann jibqgħu niżlin f'art l-imwiet fejn is-sultana ssir priġuniera tiegħu. Bin-nuqqas tas-sultana l-ħamra, fid-dinja, is-Serp jakkwista iktar territorju għas-saltna tiegħu u setgħa assoluta fuq il-ħajja.

 
Is-Sultana l-Ħamra fl-istejjer tal-Kranium hija oħt Ċensa l-Mewt, alla tal-ħajja, li tidħol fil-ħanżira tal-erwieħ darba kull sena sabiex tgħaqqad iċ-ċiklu tal-ħajja u l-mewt, bejn il-ħajjin u l-mejtin permezz ta' ikla ċerimonjali fil-Għid tal-Erwieħ. 

 

Il-Ħares tal-Wardija 


Il-Ħares tal-Wardija huwa għul li ħa f’idejh il-forti Sant Iermu biex iħarsu mill-invażjoni tas-Serp. Miegħu fil-forti hemm ukoll il-Mara l-Bajda. Taħt l-art hemm qabar li jinfed għad-dinja ta’ taħt. Il-Ħares tal-wardija għandu kelb biex jgħinu jżomm l-għassa fuq l-art u għandu wkoll seqer biex jgħassislu mill-ajru. Il-ħares tal-wardija għandu dehra ħarxa u żorra. Huwa jilbes armatura ta’ ġeneral Tork. Għandu daqna twila. Il-pali ta’ jdejh huma bħal ta’ tigra bil-granfi twal twal li jaqtgħu daqs l-aqwa xabla.
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
 
Today, there have been 3 visitors (4 hits) on this page!
This website was created for free with Own-Free-Website.com. Would you also like to have your own website?
Sign up for free