Daħla

Il-Gawgaw u l-Imlejka

ir-raba' strixxiklu

Sa fl-aħħar wasal! Ir-raba' strixxiklu mis-sensiela ta' Il-Gawgaw u l-Imlejka fejn inkomplu nsegwu l-vjaġġ imwiegħer tal-Gawgaw li qed ifittex lill-Imlejka. F'din il-ħarġa jiltaqa' mas-Saħħar Falzun u l-Qajd - l-għassies ta' Bufies u ż-żiemel tiegħu li jiġri daqs ir-riħ. Il-Gawgaw jeħtieġlu jgħaddi għan-naħa l-oħra tal-ġnien 'li jikber u jiċkien' biex jasal fejn għandu jasal u għalhekk jissellef iż-żiemel tal-Qajd. Meta jgħaddi għan-naħa l-oħra jħabbat wiċċu mal-iljun ta' Bufies li jkun irid jitfgħu 'l barra imma ma jdumx ma jqiegħdu f'postu. Bħas-soltu minn imkien jitfaċċa l-Ħajbu biex jagħti daqqa t'id u jrikkbu fil-karozza b'erba' roti li tagħmel ħoss tat-terremoti sabiex jiskapulaw l-għasfur saħħari li jgħaxxik bil-għana tiegħu. U x'jiġri imbagħad? Jekk intom kurjużi, segwu il-paġna ta' facebook fl-ewwel tas-sena biex taqraw il-ġrajja kif tkompli fir-raba' strixxiklu diġitali. Min jixtieq jikseb kopja stampata għandu jiktbilna f'dan l-indirizz: komikstassikkina@gmail.com u aħna nitkbulek lura biex ngħidulek x'għandek tagħmel. Sadanittant tistgħu taraw il-filmat tal-Gawgaw u l-Imlejka - ir-raba' strixxiklu hawn.



Il-qoxra tar-raba' strixxiklu ta' Il-Gawgaw u l-Imlejka - bit-titlu ta' Is-Saħħar Falzun jew Karozza b'erba' roti tagħmel ħoss tat-terremoti.



Il-qoxra tal-pubblikazzjoni l-ġdida STEJJER IMPENĠIJA. Il-komik fih żewġ stejjer : Lejl Imdawwal, u Ħolma b'kitba ta' Bin Għisa u l-Barba Kieli u arti ta' Davida Flores u Audrienne Degiorgio.

STEJJER IMPENĠIJA

Malta Comic-con 2013
 
Waqt li nistennew bis-sabar li l-istorja tal-Gawgaw u l-Imlejka tkompli, il-Komiks tas-Sikkina se jniedu sensiela ġdida msejħa "Stejjer Impenġija".  Il-ħsieb hu li din is-sensiela tersaq iktar viċin tal-"Letteratura".  Tħabblux raskom, il-kitba tibqa' dejjem mexxejja u fantasjuża, u mhux pedantika u għafsija.  L-ewwel pubblikazzjoni se jkun fiha żewġ stejjer qosra, ta' madwar għaxar paġni 'l waħda.  'Il quddiem naraw, imma l-ħsieb hu li nersqu dejjem aktar lejn l-ewwel "graphic novel" bil-Malti.  Tinsewniex.  FITTXUNA UKOLL FUQ FACEBOOK u segwu l-blogg.  Ibqgħu fittxu lil dan is-sit elettroniku għal aktar aħbarijiet ġodda.  
                                           Tpenġija ta' Davida Flores - Tifsila Grafika ta' Bin Għisa - Kitba tal-Barba Kieli






LIL PIJU S-SURĠENT MALAJR TAQBIŻLU Ċ-ĊINGA 

Piju s-Surġent jgħin lil dawk ta' magħna, u jkisser u jfarrak lil ta' kontrina.  Lil Piju ħadd ma jagħmillu l-bżieq fuq imnieħru, għax Piju jara fil-bogħod, stonkuż, ħaxixu, u kapaċi joħroġ u jdaħħal lil kulħadd fil-but.  Moħħu jilħaqlu, u ħadd ma jħabbatha miegħu.  U jekk għall-madonċi jkun hemm min ifettillu jikser il-buon ordni u jipprova jbeżża' u jnaffar ċittadini bla ħtija, Piju malajr iqiegħdu għall-frisk għax ħaqq almadoffi Piju jiddejjaq jara l-kuntrarju u l-vendikazzjonijiet.  Jekk int wieħed minn dawk li jħobbu jaqilgħu l-inkwiet, jew idejqu lin-nies, jew jagħmlu l-ħsara, jew jekk int xi wieħed pezza kustjoni, boqqa brodu, ta' qattagħni, ġlieda tikolha bil-ħobż, vandalu, beżqa, fiswa, żiblu, jew dardira, oqgħod attent ħa ngħidlek.  Jekk jaqbdek Piju jaħtfek xi ħatfa minn sidrek.  Lil Piju jdejquh nies hekk.
























Dawk li għad m'għandhomx kopja tal-istrixxiklu tal-Kranium: "Il-Qamar fil-Bir", iktbulna, u nibgħatulkom kopja.     



INDOMMU
AKTAR ĦOLOQ

F'taqsima oħra li nidejna fuq in-naħa tax-xellug ta' dil-paġna, qed noħolqu kuntatt ma' partijiet oħra tal-internet biex inħajrukom titkixxfu aktar fuq l-istorja tal-komiks f'Malta.  Jekk tagħfsu fuq il-buttuna msejħa "Ħoloq" issibu aktar tagħrif dwar stejjer impinġija li xxandru f'pajjizna.  Dejjem tajjeb li tkun taf aktar fuq dawn l-affarijiet.

FILMATI MILL-youtube

Araw ftit il-filmati li tul dawn l-aħħar xhur konna tfajna fil-youtube.  Dawn issa tfajnihom f'dan is-sit ukoll.  Fittxuhom fuq in-naħa tax-xellug ta' din il-paġna.



Agħti titwila lit-taqsima
"Il-Gawgaw u l-Imlejka" u ara fejn waslet l-istorja s'issa. 
Żdiedu wkoll aktar persunaġġi
fit-taqsima "Karattri".

SĦAĦAR U EĦIRSA MALTIN




Malta aktarx li hi l-uniku pajjiz fid-dinja li l-kultura tiegħu ma tinkludix persunaġġi tal-fantasija li huma magħrufa u aċċettati bil-ferħa jew bil-biza' fil-fantasija kollettiva tal-poplu.  ĠAĦAN hu xi ftit magħruf fostna imma, minkejja kollox, spiċċa karattru daqsxejn taz-zufjett u m'għandux il-ħakma fuq moħħ in-nies li għandhom karattri ta' ġnus oħra.  Il-ĦARES ukoll spiċċa jagħmel parti mid-dinja tan-nanna Gerit u illum ftit hawn min għadu jagħti kasu.  Ħaddieħor għandu l-fairies, u l-pixies, u lil Superman, u lil Batman, u lil Father Christmas, u lil La Befana, u lil Pinokkjo, u l-Drakula, u l-Frankenstein, u aħna kuntenti nilludu ruħna li dawn il-karattri huma tagħna wkoll, meta fil-fatt m'humiex.  Kuntenti nbossu b'sorm ħaddieħor u lil tagħna nagħtuh bis-sieq.  Għax moħbija bejn il-versi tal-ilsien Malti, karattri tal-fantasija HEMM - imma ma rridux nafu bihom.  Il-Ħares hi kelma li tfisser "gwardjan/għassies" - xi ħadd li qed iħares x'imkien jew xi ħaġa (mhux veru li ġejja mill-kelma Latina Lares, imma minn għerq ta' verb Malti, bħal meta ngħidu "Alla jħarisna" jew "Alla ħares").  Mela l-Ħares hu għassies u hu differenti minn Ruħ jew Fatat; u l-istejjer tal-ħares li nafu bihom juruk li hu persunaġġ differenti minn ruħ jew fatat.  Ix-XJAFEK insemmuhom mingħajr ma jgħaddilna minn rasna x'jistgħu jkunu.  L-kelma "GĦAFRIT", dari komuni ħafna, llum qed tintnesa.  L-GĦUL diġa ntnesa, imma dari kien magħruf ħafna, kemm hu u kemm in-Nanna Għula.  Tgħid jirnexxielna naħtfu lil dawn il-karattri minn xifer l-abbiss tal-estinsjoni?  Kull bidu hu iebes.  Jgħidu li qabel ma l-aħwa Grimm qabdu l-ħrejjef li kienu jafu, u daruhom tidwira sewwa, il-ħrejjef u l-karattri tagħhom kienu ħorox, u jinbuttawk, u xi ftit ħamalli.  Illum saru industrija internazzjonali.  

 
 




Għalissa, il-Komiks tas-Sikkina huma magħmula minn żewġ sensiliet: Is-sensiela tal-Gawgaw u l-Imlejka, li se jkollha mill-anqas ħames strixxikli, (jekk mhux iżjed); u sensiela oħra bl-isem ta': l-Għid tal-Erwieħ, li tirrakkonta l-istorja tal-grupp mużikali KRANIUM.

Iż-żewġ sensiliet huma indipendenti minn xulxin, u huma mpenġija minn artisti differenti.  Il-karattri ta' ġo fihom għandhom ismijiet li jinstabu fil-vokabularju tal-ilsien Malti:  Il-Gawgaw, il-Ħajbu, il-Ħares, il-Mingħul, it-Tork tat-Taraġ, il-Ħanżira tal-Erwieħ, Ninu Xkora, eċċ.  IMMA nixtiequ nserrħulkom raskom li dawn l-istrixxikli m'humiex xi antikalja ta' Wenzu u Rożi, jew xi "folklor", jew xi tagħlim tal-istorja ta' Malta jew ta' ħrejjef missirijietna.  HEMM xi elementi tal-ħrejjef, imma dawn l-istrixxikli huma maħsuba għall-kbar (tal-anqas dawk 'il fuq minn sittax-il sena), huma friski u moderni, u anke xi ftit imqarbin.  Aqrahom biex tara.  



Dawn il-komiks jinxtraw minn għandna meta narmaw mejda f'xi attivita' bħal m'hi l-Earthgarden, jew Notte Bianca, jew il-Comic Con.  Tistgħu issibuhom wkoll mill-ħanut tal-
Malta Comics and Collectibles, Nru 60, Triq San Duminku, Tas-Sliema (kantuniera ma' Triq Manwel Dimech).   Jekk tibgħatu email fuq ggatt77@hotmail.com nistgħu niftehmu kif nibgħatulkom il-komiks bil-posta.  
 
Nieħdu gost ħafna nisimgħu minn għandkom.  Ikkuntattjawna. 


 
Today, there have been 1 visitors (2 hits) on this page!
This website was created for free with Own-Free-Website.com. Would you also like to have your own website?
Sign up for free