|
|
 |
FILMATI MILL-youtube
Grazzi lil dawk kollha li ġew u sabuna fil-kunċert tan- No Bling fil-Buskett Roadhouse. It-tielet strixxiklu tal-GAWGAW qiegħed għall-bejgħ għand il-Malta Comics ta' Tas-Sliema, għand St. Anne's Emporium tal-Furjana, u għand l-Aw Tribu tal-Fgura. Se jkun fil-ħwienet l-oħra tas-soltu minn mument għall-ieħor. Sadattant araw ftit il-filmati li tul dawn l-aħħar xhur konna tfajna fil-youtube. Dawn issa tfajnihom f'dan is-sit ukoll. Fittxuhom fuq in-naħa tax-xellug ta' din il-paġna.

Agħti titwila lit-taqsima
"Il-Gawgaw u l-Imlejka" u ara fejn waslet l-istorja s'issa.
Żdiedu wkoll aktar persunaġġi
fit-taqsima "Karattri".
SĦAĦAR U EĦIRSA MALTIN

Malta aktarx li hi l-uniku pajjiz fid-dinja li l-kultura tiegħu ma tinkludix persunaġġi tal-fantasija li huma magħrufa u aċċettati bil-ferħa jew bil-biza' fil-fantasija kollettiva tal-poplu. ĠAĦAN hu xi ftit magħruf fostna imma, minkejja kollox, spiċċa karattru daqsxejn taz-zufjett u m'għandux il-ħakma fuq moħħ in-nies li għandhom karattri ta' ġnus oħra. Il-ĦARES ukoll spiċċa jagħmel parti mid-dinja tan-nanna Gerit u illum ftit hawn min għadu jagħti kasu. Ħaddieħor għandu l-fairies, u l-pixies, u lil Superman, u lil Batman, u lil Father Christmas, u lil La Befana, u lil Pinokkjo, u l-Drakula, u l-Frankenstein, u aħna kuntenti nilludu ruħna li dawn il-karattri huma tagħna wkoll, meta fil-fatt m'humiex. Kuntenti nbossu b'sorm ħaddieħor u lil tagħna nagħtuh bis-sieq. Għax moħbija bejn il-versi tal-ilsien Malti, karattri tal-fantasija HEMM - imma ma rridux nafu bihom. Il-Ħares hi kelma li tfisser "gwardjan/għassies" - xi ħadd li qed iħares x'imkien jew xi ħaġa (mhux veru li ġejja mill-kelma Latina Lares, imma minn għerq ta' verb Malti, bħal meta ngħidu "Alla jħarisna" jew "Alla ħares"). Mela l-Ħares hu għassies u hu differenti minn Ruħ jew Fatat; u l-istejjer tal-ħares li nafu bihom juruk li hu persunaġġ differenti minn ruħ jew fatat. Ix-XJAFEK insemmuhom mingħajr ma jgħaddilna minn rasna x'jistgħu jkunu. L-kelma "GĦAFRIT", dari komuni ħafna, llum qed tintnesa. L-GĦUL diġa ntnesa, imma dari kien magħruf ħafna, kemm hu u kemm in-Nanna Għula. Tgħid jirnexxielna naħtfu lil dawn il-karattri minn xifer l-abbiss tal-estinsjoni? Kull bidu hu iebes. Jgħidu li qabel ma l-aħwa Grimm qabdu l-ħrejjef li kienu jafu, u daruhom tidwira sewwa, il-ħrejjef u l-karattri tagħhom kienu ħorox, u jinbuttawk, u xi ftit ħamalli. Illum saru industrija internazzjonali.


Għalissa, il-Komiks tas-Sikkina huma magħmula minn żewġ sensiliet: Is-sensiela tal-Gawgaw u l-Imlejka, li se jkollha mill-anqas ħames strixxikli, (jekk mhux iżjed); u sensiela oħra bl-isem ta': l-Għid tal-Erwieħ, li tirrakkonta l-istorja tal-grupp mużikali KRANIUM.
Iż-żewġ sensiliet huma indipendenti minn xulxin, u huma mpenġija minn artisti differenti. Il-karattri ta' ġo fihom għandhom ismijiet li jinstabu fil-vokabularju tal-ilsien Malti: Il-Gawgaw, il-Ħajbu, il-Ħares, il-Mingħul, it-Tork tat-Taraġ, il-Ħanżira tal-Erwieħ, Ninu Xkora, eċċ. IMMA nixtiequ nserrħulkom raskom li dawn l-istrixxikli m'humiex xi antikalja ta' Wenzu u Rożi, jew xi "folklor", jew xi tagħlim tal-istorja ta' Malta jew ta' ħrejjef missirijietna. HEMM xi elementi tal-ħrejjef, imma dawn l-istrixxikli huma maħsuba għall-kbar (tal-anqas dawk 'il fuq minn sittax-il sena), huma friski u moderni, u anke xi ftit imqarbin. Aqrahom biex tara.

Dawn il-komiks jistgħu jinxtraw mill-Agenda tal-Universita', Tal-Qroqq u l-Agenda ta' Triq ir-Repubblika, l-Belt; mill-ħanut tal-Malta Comics and Collectibles, Nru 60, Triq San Duminku, Tas-Sliema (kantuniera ma' Triq Manwel Dimech), minn għand Palmyra ta' Triq in-Naxxar, Birkirkara, Velmor Stationary tal-Pjazza ta' Raħal Ġdid, minn għand St. Anne's Emporium ta' Triq Sant'Anna, l-Furjana u mingħand Aw Tribu! ta' Triq Ħaż-Żabbar il-Fgura.
Il-komiks qegħdin ukoll fuq Ebay.com.
Nieħdu gost ħafna nisimgħu minn għandkom. Ikkuntattjawna. |
|
 |
|
|
|
|